Kultura Lokali Mużika

FILMAT: It-tfal jesploraw id-dinja Għarbija b’mawra mużikali ma’ Ġaħan

Tikka Banda b'proġett interattiv mat-tfal madwar il-5 reġjuni ta' Malta

Il-grupp mużikali Tikka Banda qed itellgħu produzzjoni mużikali bl-isem ta’ Ġaħan18, li se tinvolvi logħob għat-tfal, mużika interattiva kif ukoll ħafna komiċità waqt li jiftħu l-bieb ma’ Ġaħan. Dan l-ispettaklu huwa parti minn programm interattiv ddedikat lit-tfal bejn it-tlieta u l-għaxar snin li se jesploraw diversi pajjiżi Għarab flimkien ma’ Ġaħan.

Permezz tax-xelta mużikali magħżula u d-divertiment, it-tfal se jesploraw il-wirt mużikali Mediterranju, il-kulturi tal-pajjiżi ġirien u kwistjonijiet ambjnetali.

NET News tkellem mad-direttur artistiku ta’ din il-produzzjoni, Justin Formosa, fejn spjegalna x’ser ikun qed jiġri f’dan l-ispettaklu ta’ tletin minuta:

“Se jkun proġett li se jdur il-5 reġjuni ta’ Malta, inkluż Għawdex, u se jagħti laqta differenti lill-karattru ta’ Ġaħan. Bil-fares u l-istupitaġni tiegħu, se nkunu qed induru l-pajjiżi Għarab. Qabel dan il-proġett żorna 5 skejjel primarji minn dawn ir-reġjuni fejn morna nagħmlu sezzjonijiet ta’ taħriġ biex nuru lit-tfal kif jagħmlu strumenti minn materjal riċiklat.”

Huwa spjega kif il-ħidma bdiet wara s-suċċess tal-proġett #barralklassi waqt il-Valletta Green Festival 2017 meta f’Mejju li għadda, huwa ngħaqad mal-koordinatriċi tal-proġett, Jessica Ellul, u l-awtur tal-istorja interattiva, Andrea Cassar, biex faslu dan il-proġett. L-arranġamenti tal-mużika saru mis-Surmast Ray Sciberras filwaqt li Tikka Banda se tkun immexxija mill-Maġġur John Ivan Borg mgħejun minn Luke Vella.

Tkellimna ukoll mal-istess Andrea Cassar, li se jintepreta l-karattru ta’ Ġaħan, fejn tana spunt mill-karattru tiegħu:

“Jien se nferraħ lit-tfal kollha bil-għan li jsiru jafu daqsxejn iktar dwar il-pajjiżi Għarab u jieħdu gost mal-banda. Għalhekk inħeġġeġ lit-tfal kollha biex jiġu mal-ġenituri tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom biex jiġu jieħdu gost miegħi u mat-Tikka Banda.”

Il-produzzjoni Ġaħan18, ser tkun qed tittella’ bejn nhar il-Ħamis 3 u t-Tnejn 7 ta’ Mejju b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta18. Ir-rappreżentazzjonijiet għat-tfal tal-iskejjel primarji se jsiru f’Bormla, il-Mellieħa u Ħal Lija fost il-ġimgħa filgħodu. Dawk miftuħa għall-pubbliku se jsiru nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju filgħodu f’Ġnien De La Cruz, f’Ħal Qormi, u l-Ħadd 6 ta’ Mejju waranofsinhar f’Ġnien tal-Bidwi, Ta’ Sannat Għawdex.