Futbol Sport

Żewġ gowls f’żewġ minuti jdawru telfa f’rebħa għal Valletta

Enmy Pena Beltre jgħaddi minn bejn Paul Fenech u Milos Lepovic (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: George Cassar

VALLETTA……..2

BALZAN…………1

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, J. Zerafa, S. Borg, R. Camilleri, R. Muscat (J. Gill Cruz 54’), S. Malano, M. Alba (Denni 73’), R. Saleh, M. Piciollo, K. Nwoko (J. Borg 84’)

Balzan: S. Mintoff, I. Bozovic (J. Grioli 70’), S. Bezzina, M. Johnson, E. Serrano, P. Fenech, M. Lepovic (S. Arab 86’), Cadù (R. Fenech 77’), Lecaò, B. Kaljevic, A. Effiong

Skorjaw: Lecaò 67’ (B), Denni – pen. 80’, M. Piciollo 82’ (V)

Imwissija: S. Borg 9’ M. Piciollo 74’, Denni 85’, J. Borg 90’, H. Bonello 93’ (V), E. Serrano 9’, I. Bozovic 21’, A. Effiong 45’, Cadù 72’, S. Arab 88’,  B. Kaljevic 91’, M. Johnson 95’

Tkeċċa: S. Borg 48’ (V)

Referee: Clayton Pisani

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Luke Portelli

Attendenza: 2,472

Valletta skorjaw żewġ gowls f’żewġ minuti bi plejer inqas li permezz tagħhom eliminaw lil Balzan u kkwalifikaw għall-finali tal-FA Trophy ta’ nhar is-Sibt li ġej kontra Birkirkara.

Mill-ewwel taqsima Balzan kellhom biss l-ewwel ħames minuti għax fil-kumplament tal-ħin Valletta kienu l-ħin kollu fuq l-avversarji. Fil-bidu tat-tieni taqsima Valletta spiċċaw bi plejer inqas u minn hemm ’il quddiem Balzan daħlu fil-logħba u marru fil-vantaġġ. Madankollu għaxar minuti mit-tmiem Valletta skorjaw minn penalty u reġgħu skurjaw mill-ewwel biex b’hekk saru t-tieni finalisti.

Għal Balzan din it-telfa kienet it-tieni xokk f’ġimgħa wara li tmint ijiem ilu tilfu kontra Hibernians u b’hekk inqabżu mill-istess Valletta u ħarbilhom ir-rebħ tal-kampjonat minn idejhom. Żgur li dan huwa diżappunt kbir għal Balzan li minn staġun li fih setgħu anki rebħu ż-żewġ unuri prinċipali tal-futbol Malti spiċċaw b’idejhom vojta.

Kienet logħba diffiċli għar-referee Clayton Pisani li apparti li spiċċa juri tnax-il karta safra, kellu xi deċiżjonijiet li kienu kontestati mill-plejers ta’ Balzan l-iktar fuq penalty li ma ngħatax lilhom f’nofs it-tieni taqsima għal fawl ta’ Juan Gill Cruz fuq Cadù kif ukoll għall-penalty li ssaffar favur Valletta li permezz tiegħu l-Beltin laħqu lill-avversarji.

Ftit wara n-nofs siegħa logħob Valletta resqu qrib meta minn kontrattakk mibdi minn Miguel Alba, Matteo Piciollo qabeż tajjeb lil Michael Johnson iżda x-xutt tiegħu laqat il-mimduda. Wara tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Steve Borg intwera t-tieni karta safra għal fawl fuq Cadù li seta’ faċilment evitah.

Balzan skorjaw ftit wara s-siegħa logħob meta l-gowlkiper Belti Henry Bonello ma żammx ix-xutt ta’ Alfred Effiong u LECAÒ kien viċin u tefa’ fix-xibka. Għaxar minuti mit-tmiem ir-referee Pisani saffar għal penalty wara li ġġudika li s-sostitut Ryan Fenech waqqa’ lil Ibrahim Saleh li kien dahru lejn il-lasta. Is-sostitut DENNI dawwar il-penalty f’gowl.

Żewġ minuti wara Matteo PICIOLLO rċieva mingħand Saleh u fajjar xutt sabiħ minn pożizzjoni angolata li għeleb lill-gowlkiper Sean Mintoff.  Din ir-rebħa tfisser ritorn fil-finali għal Valletta wara erba’ snin meta fl-2014 kienu rebħu l-finali kontra Sliema Wanderers.