Minkejja l-appell tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għal aktar diskussjoni wiesgħa, minflok ma l-Gvern ikompli jwebbes rasu u jdaħħal l-emendi fil-Liġi tal-IVF, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-Union hi favur l-emendi proposti mill-Gvern.
Hu qal dan waqt l-attività ta’ kull sena, bi tqegħid ta’ qronfol ħomor u bojod fuq riġlejn il-Monument tal-GWU fl-Imsida, lejlet il-Festa tal-1 ta’ Mejju.
Fost l-emendi ppreżentati mill-Gvern hemm dawk li mistennija jwasslu għall-iffriżar tal-embrijuni. Dan minkejja l-kritika ta’ ħafna, fosthom l-eluf li fil-jiem li għaddew attendew għall-Manifestazzjoni Nazzjonali favur il-Ħajja.
Sadanittant, għall-attività fl-Imsida, attendew fost l-oħrajn l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU – illum Konsulent tal-Prim Ministru – Toni Zarb, li flimkien ma’ diversi rappreżentanti tal-Union qiegħed il-fjuri fi tmiem għadd ta’ diskorsi.
Fost dawk li qegħdu l-fjuri, kien hemm ukoll ir-rappreżentant tal-Kumitat Lokali Laburista fl-Imsida.
//= $special ?>