Internazzjonali

Irriżenja l-Ministru tal-Intern Ingliż

Amber Rudd

Amber Rudd, il-Ministru tal-Intern tar-Renju Unit, irriżenjat mill-kariga wara li assummiet ir-responsabbiltà politika għall-mod kif kienu stmati dawk mill-kolonji Ingliżi fil-Karibew li marru jgħixu r-Renju Unit. Dan wara li kienu klassifikati bħala immigranti illegali.
Rudd kienet waħda mill-akbar alleati tal-Prim Ministru Theresa May fil-Kabinett Ingliż u t-telfa tagħha se tinħass. Dan hekk kif ir-Renju Unit jinsab fl-aħħar sena tan-negozjati tal-Brexit kif ukoll għaliex kienet fost il-membri tal-Kabinett li l-aktar kienu jitkellmu favur l-Unjoni Ewropa.
Minflok Rudd issa nħatar Sajid Javid bħala Ministru tal-Intern.
Għal dawn l-aħħar ġimagħtejn Ministri Ingliżi kienu qed jisstinkaw biex jispejgaw għaliex xi dixxendenti ta’ dawk magħrufa bħala “Windrush Generation” kienu qed jiġu miċħuda d-drittijiet bażiċi. L-antenati tagħhom kienu ġew mistiedna lejn ir-Renju Unit biex jimlew nuqqasijiet bejn l-1948 u l-1971 fis-suq tax-xogħol. L-isem Windrush ġej mill-vapur Empire Windrush, l-ewwel vapur li ġab immigranti mill-Karibew lejn ir-Renju Unit fl-1948. Hu stmat li b’kollox madwar nofs miljun kienu marru r-Renju Unit.