Lokali

Żewġ vetturi jieħdu n-nar fl-Imsida

Tal-anqas żewg vetturi ħadu n-nar fl-Imsida.

L-inċident kien irrappurtat qabel id-9 ta’ filgħaxija fi Triq il-Kunċizzjoni tal-Imsida, ġewwa parkeġġ żgħir.

In-nar beda minn karozza tat-tip Mercedes E Class, li kienet ilha pparkjata fl-istess post għal xi żmien u li x’aktarx kienet mitluqa hemmhekk. In-nar mexa mill-karozza, li nħarqet totalment, għal vann tat-tip Toyota Hiace li nħarqitilha l-biċċa ta’ quddiem.

Fuq il-post marru membri mit-taqsima tal-protezzjoni ċivili li tfew in-nar filwaqt li inħatar il-Maġistrat Grazio Mercieca li ordna li tinfetaħ inkjesta.

Bħalissa qed jiġi stabbilit il-kawża tan-nar hekk kif il-pulizija qed jaraw CCTVs li hemm fiż-żona

Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan in-nar.