Ekonomija Lokali

ANALIŻI: Eluf ta’ ħaddiema qedgħin f’sitwazzjoni ta’ inġustizzji u ma jlaħħqux mal-ħajja

Filwaqt li llum Joseph Muscat u ta’ madwaru se jkunu qed jiċċelebraw l-Ewwel ta’ Mejju fil-manifestazzjoni tas-soltu tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta, ir-realtà f’pajjiżna tindika xorta oħra u eluf ħafna u ħafna akbar ta’ familji u ħaddiema se jkunu f’darhom jew ‘il bogħod mill-Belt għaliex huma ma jgħixux fil-lussu u bi dħul extra vaganti kif qed igawdu dawk fil-familja ‘Tagħna Lkoll’.

Tul il-leġiżlatura l-oħra nħolqot faxxa ta’ nies li qed igawdu fuq li jgawdu u jimpalaw il-flus bla ebda kontrolli. L-istil tal-ħajja tagħhom inbidel mil-lejl għan-nhar. Dan kollu grazzi għall-politika ta’ Joseph Muscat fejn il-korruzzjoni f’pajjiżna hi istituzzjonalizzata.

Illum hawn familji u ħaddiema li għaliex huma fil-familja ‘Tagħna Lkoll’, allura għandhom ġej fuqhom vit bla rażan ta’ flus u dan hu rifless fl-istil ta’ ħajja li jgħixu. Dawn in-nies ma jimpurtahomx mill-faqar, mill-familji li jridu jissieltu biex jgħaddu sal-aħħar tax-xahar, mill-ħaddiema bil-paga minima, mill-familji bil-mard fid-dar, mill-ħaddiema li jgħixu fl-inċertezzi għaliex il-Gvern naffar l-investiment u xettel reputazzjoni ħażina għal pajjiżna.

Dawn in-nies ma jimpurtahomx li hawn eluf ta’ ħaddiema, partikularment dawk li jaħdmu f’Dipartimenti Goverattivi jew f’Istituzzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern, li qed jikkumbattu ta’ kuljum l-inġustizzji. Ħaddiema li huma mwarrba. Ħaddiema li ma humiex fdati. Ħaddiema li litteralment jieħdu l-paga ta’ xejn għaliex ma jitqabbdu jagħmlu xejn.

Din hi r-realtà ta’ eluf ta’ familji u ta’ eluf ta’ ħaddiema. Filwaqt li l-ftit jistagħnew u jimpalaw il-flejjes kbar, ħafna u ħafna familji u ħaddiema jissieltu ta’ kuljum biex jippruvaw ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, mal-bżonnijiet bażiċi tal-ħadda u mal-bullying fil-postijiet tax-xogħol.

Bla dubju ta’ xejn li dan il-kliem kollu Joseph Muscat illejla mhux se jagħmel aċċenn għalih jew se jsemmih. Probabbilment illejla anqas se nisimgħu lil Joseph Muscat jitkellem dwar kif ta’ madwaru stagħnew fuq li stagħnew. U anqas se nisimgħu lil Joseph Muscat jitkellem dwar korruzzjoni, tnaffir tal-investiment b’mod partikulari fil-kamp tas-servizzi finanzjarji.

F’pajjiżna hawn ħafna li qed ibatu u ħafna li ma għandhomx vuċi. Joseph Muscat ma jimpurtahx minn dawn kollha u kien jindirizzahom biss lejliet xi Elezzjoni Ġenerali bl-iskop speċifiku li jqarraq bihom u jisirqilhom il-vot kif ġara fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

F’kuntrast ma’ dan kollu hemm il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia li sa nhar il-Ħadd li għadda stess fisser kif bħalissa għandna Gvern Laburista li minflok qed jara l-bżonnijiet tal-ħaddiema, u kif se jżid is-salarju – hekk kif hawn min mhux ilaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja – minflok għażel li juri s-saħħa tal-Partit tiegħu. Il-Partit Laburista suppost li hu l-partit tal-ħaddiema, iżda fin-nuqqas ta’ dan se jkun il-Partit Nazzjonalista li se jagħti wens lil min hu dgħajjef u se jkun il-partit tal-ħaddiem.

Adrian Delia qiegħed ikompli jwassal messaġġ ċar li l-Partit Nazzjonalista jisma’ lill-ħaddiema u jagħti kas tal-bżonnijiet vera tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Nhar il-Ħadd il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel kuntrast bejn il-kliem li kien juża l-Partit Laburista u l-istess Prim Ministru Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien ibeżża’ biex pajjiżna ma jidħolx membru fl-Unjoni Ewropea.

Fost id-diversi argumenti li kienu użaw, il-Partit Laburista kien qal li jekk nidħlu fl-Ewropa jkunu jistgħu jiġu ffriżati l-embrijuni, mentri llum hu l-Gvern Laburista stess li qed jimbutta din l-aġenda biex jiġu ffriżati l-embrijuni.

Adrian Delia stqarr li hawnhekk hu l-punt li fih il-Partit Nazzjonalista jrid juri s-saħħa tiegħu u għal darb’oħra jinżel għand in-nies u jismagħhom.

Għandna Gvern tal-konvenjenza u jrid ikun il-Partit Nazzjonalista li jippjana fit-tul u jara x’inhuma l-bżonnijiet ta’ Malta biex hekk ma jibqax ikollna aktar familji li jgħixu fil-faqar, ħaddiema li jgħixu fl-inċertezza u fl-inġustizzji.