Internazzjonali

Attakk suwiċida jħalli 24 mejtin ġo moskea fin-Niġerja

Talanqas 24 persuna mietu fi splużjonijiet ta’ bombi waqt attakk suwiċida ġo moskea fil-belt ta’ Mubi, lejn il-grigal tan-Niġerja.

L-attakk kien anki dirett fuq il-madwar tal-moskea fejn numru sinifikanti ta’ Musulmani kienu qed iħejju għat-talb ta’ wara nofs-inhar.

Ħadd ma assuma responsabbiltà għad-dmija, iżda l-grupp tal-militanti Iżlamiċi Boko Haram, fil-passat, issemma b’konnessjoni ma’ attakki simili fl-inħawi ta’ Mubi.

Il-Boko Haram ilu s-snin imexxi kampanja ta’ vjolenza biex jipprova jwaqqaf Stat Iżlamiku fit-Tramuntana tan-Niġerja. Il-vjolenza swiet il ħajja ta’ ‘il fuq minn 20,000 minbarra li ħalliet aktar minn żewġ miljun refuġjati.