Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Finali oħra għal Real Madrid

Għat-tielet sena konsekuttiva Real Madrid se jikkontestaw il-finali taċ-Champions League.

Dan wara li ġew draw 2-2 f’darhom kontra Bayern Munich fit-tieni leg tas-semifinali wara li ġimgħa qabel kienu rebħu l-ewwel leg 2-1 biex b’hekk għaddew b’aggregate ta’ 4-3. Li kieku kienu Bayern li għaddew dawn ma kienu jisirqu xejn għax fil-Bernabeu kienu kontinwament perkolużi u f’xi mumenti sfortunati wkoll.

Wara biss tliet minuti l-Ġermaniżi fetħu l-iskor b’gowl ta’ KIMMICH li skurja minn rebound. Dawn ftit damu jgawdu l-vantaġġ tagħhom għax tmien minuti wara Real ġabu d-draw. Marcelo tefa’ cross perfett mill-ġenb li sab lil BENZEMA li skurja b’daqqa ta’ ras.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Real marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ u reġa’ kien BENZEMA li skurja din id-darba wara li approfitta minn żball kbir kemm ta’ Tolisso li qassam lura mingħajr ma ra min kien hemm warajh u anke tal-gowlkiper Ulrich li minflok spara l-ballun ‘il fuq ħallih għaddej minn taħt idejh.

Bayern xorta waħda ma qatgħux qalbhom u fit-63 minuta l-Kolombjan James RODRIGUEZ li hu misluf mingħand Real lil Bayern sab ix-xibka wara li l-ewwel xutt tiegħu kien oriġinarjament imblukkat.

Wara dan il-gowl Bayern komplew jagħfsu imma Real ma sofrewx gowl ieħor li kien ifisser l-eliminazzjoni. F’Ġunju ta’ sena ilu Real għelbu lil Juventus fil-finali biex saru l-ewwel tim sa mill-1990 li ddefenda t-trofew wara li sena qabel kienu rebħuha kontra Atletico Madrid.

Issa se jippruvaw isiru l-ewwel tim sa mill-1975 li jkun rebaħ din it-tazza tliet darbiet infila.
L-aħħar darba li tim għamel dan kien dak ta’ Bayern Munich. Jekk Real jirbħu t-tazza jkunu rebħuha għal rekord ta’ 13-il darba.