Futbol Sport

FEATURE: Manchester City l-aktar tim li nefaq flus f’dawn l-aħħar 10 snin

Manchester City huma l-aktar tim li nefaq flus f’dawn l-aħħar 10 snin. Fir-ritratt is-sid ta’ Man City Sheikh Mansour (fin-nofs) jidher jitkellem mal-kowċ tat-tim Pep Guardiola (xellug)

Manchester City huma l-aktar tim li nefaq flus f’dawn l-aħħar 10 snin. Dan ġie żvelat minn statistika ppublikata minn ġurnal Taljan. Proprju fl-2008 Man City kienu akkwistati minn Sheikh Mansour li hu l-Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda.
Hu kien akkwista l-klabb għas-somma ta’ 210 miljun lira sterlina u nvesta bil-kbir fi plejers ġodda u anke kowċis ta’ fama mondjali.
Minn dakinhar ‘l hawn Man City nefqu 1583 miljun ewro u rebħu darba l-FA Cup, tliet darbiet il-League Cup u tliet darbiet il-Premiership Ingliż. Ftit ġimgħat ilu City rebħu l-kampjonat hekk kif iddominaw mill-bidu sal-aħħar fejn saħansitra waqqfu rekord ta’ 18-il rebħa konsekuttiva.
Filwaqt li f’dawn l-aħħar 10 snin rebħu tliet darbiet il-kampjonat għadhom mhux biss qatt ma rebħu ċ-Champions League iżda anke qatt ma għamluha sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni tant prestiġġjuża. Din is-sena huma sfaw eliminati mill-fażi tal-kwarti tal-finali kontra Liverpool.
Fit-tieni post ta’ din il-klassifika wieħed isib lit-tim Spanjol ta’ Barcelona b’nefqa ta’ 1151 miljun ewro. Wieħed jista’ jqis din sorpriża minħabba l-fatt li Barcelona jiffukaw ħafna fuq l-akkademja tagħhom magħrufa bħala l-‘La Masia’. Minn din l-akkademja ħarġu plejers bħal ma huma Xavi, Puyol u Iniesta li bla dubju kienu uħud mill-aktar pedini importanti fis-suċċess li kiseb it-tim Katalan f’dawn l-aħħar 10 snin, speċjalment meta kien taħt it-tmexxija tal-kowċ Pep Guardiola, kowċ li ironikament bħalissa qed imexxi lil Manchester City.
Ftit jiem ilu Barcelona ġew dikjarati champions ta’ Spanja għall-25 darba fl-istorja. Fl-aħħar 10 snin huma rebħu ċ-Champions League tliet darbiet u seba’ darbiet il-kampjonat. Fit-tielet post wieħed isib tim ieħor b’sidien Għarab, dak ta’ PSG.
Sa mill-2008 ‘l hawn il-Franċiżi nefqu 1150 miljun ewro. Fl-2011 huma kienu akkwistati mill-kumpanija Oryx Qatar Sports Investments u minn dakinhar ‘l hawn komplew jingħaqdu aktar plejers ta’ fama mondjali magħhom. Fis-sajf li għadda huma akkwistaw għal somma rekord ta’ 222 miljun ewro lill-plejer Brażiljan Neymar li kien jilgħab ma’ Barcelona. F’dawn l-aħħar ġimgħat PSG ġew inkurunati champions ta’ Franza għas-seba’ darba fl-istorja tagħhom.
Minn dawn is-seba’ darbiet li huma rebħu l-kampjonat, ħamsa minnhom intrebħu taħt it-tmexxija tas-sidien mill-Qatar. Bħal Man City, minkejja dan l-infieq kollu u d-dominju f’pajjiżhom huma qatt għadhom ma waslu sal-finali taċ-Champions League.
Fl-ewwel ħames postijiet ta’ din il-klassifika hemm żewġ klabbs Ingliżi, Chelsea u Manchester Utd li qegħdin fir-raba’ u l-ħames pożizzjoni rispettivament. Chelsea nefqu 1137 miljun ewro u dan grazzi għall-flus li ħareġ is-sid biljunarju Russu Roman Abramovich.
Filwaqt li qabel ma l-klabb għadda f’idejn Abramovich kien rebaħ biss il-Premiership darba, minn dakinhar ‘l hawn it-tim rebaħ il-kampjonat ħames darbiet. Mill-2008 ‘l hawn Chelsea rebħu l-Premiership tliet darbiet u barra minn hekk rebħu l-FA Cup tliet darbiet u darba ċ-Champions League.
Huma kienu waslu anke sal-finali taċ-Champions League tal-2008 imma tilfuha kontra Manchester Utd li minn naħa tagħhom nefqu 1018 miljun ewro.
Filwaqt li s-suċċessi ta’ timijiet tal-Premier bħal ma huma Manchester City u Chelsea waslu f’dawn l-aħħar 10 snin Man Utd minn dejjem kienu forza qawwija f’dawn l-aħħar 30 sena u sa mill-2008 ‘l hawn Man Utd rebħu l-kampjonat erba’ darbiet.
L-aħħar darba li dawn rebħu l-kampjonat kien proprju fl-2013 meta dakinhar l-eksmanager leġġendarju Alex Ferguson ħabbar li rtira u kien hawn fejn ir-Red Devils bdew jesperjenzaw staġuni diffiċli.
Fl-aħħar staġuni qed jakkwistaw diversi plejers għal somom kbar biex jagħmluha aktar faċli għall-manager Jose Mourinho biex jerġa’ jwassal lil Man Utd sal-quċċata. Man Utd anke naqqsu milli jikkwalifikaw għaċ-Champions League fis-snin riċenti u dan l-istaġun ħadu sehem biss f’din il-kompetizzjoni wara li f’Mejju ta’ sena ilu rebħu l-Europa League.
M’hijiex sorpriża li fl-ewwel ħames pożizzjonijiet ta’ din il-klassifika tal-aktar timijiet li nefqu f’dawn l-aħħar 10 snin m’hemm l-ebda klabb Taljan.
L-ewwel klabb Taljan li jinsab fil-lista hu dak ta’ Juventus li qegħdin fit-tmien post b’nefqa ta’ 919 miljun lira ewro. Fis-sitt u fis-seba’ post tal-klassifika wieħed isib lil Real Madrid (977miljun ewro) u Liverpool (929 miljun lira sterlina).
F’dawn l-aħħar snin Juventus reġgħu stabilixxew ruħhom bħala l-aqwa klabb Taljan hekk kif rebħu l-kampjonat għal sitt snin konsekuttivi u jinsabu ferm viċin li jirbħuh għas-seba’ darba konsekuttiva.
Dan wara li fl-2006 kienu ġew relegati għas-Serie B wara li tfaċċa l-iskandlu ‘Calciopoli’ iżda b’għaqal kbir id-diriġenti tal-Bianconeri nefqu flus fuq plejers ġodda li għenu lit-tim jirkupra.
Sa mill-2008 ‘l hawn Juventus mhux biss iddominaw f’pajjiżhom imma anke għamluha darbtejn sal-finali taċ-Champions League.
Real Madrid naqqsu xi ftit mill-infieq li kienu magħrufin għalih fi żmien it-tim tal-‘Galacticos’ imma dan ma fissirx li s-suċċessi waqfu. Anzi, bil-kontra, hekk kif f’Ġunju ta’ sena ilu Real għelbu lil Juventus fil-finali taċ-Champions League biex saru l-ewwel tim sa mill-1990 li ddefenda t-trofew. Huma jinsabu b’ċans tajjeb li jirbżu t-tazza għat-tielet darba konsekuttiva u rekord ta’ 13-il darba wara li ftit jiem ilu bbukkjaw post fil-finali. sa mill-2008 ‘l hawn dawn rebħu l-kampjonat tliet darbiet ‘biss’ imma kif għidna gawdew suċċess kbir fl-Ewropa u anke ġew inkurunati champions tad-dinja darbtejn