Ekonomija Lokali

“Fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna hemm il-ħaddiem” – Adrian Delia

Adrian Delia jwiegħed ħidma għall-futur ta' uliedna u l-pajjiż

Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li ssir diskussjoni serja biex nibdew nippjanaw għall-futur tat-tfal tagħna u ta’ pajjiżna.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta f’Jum il-Ħaddiem indirizza numru ta’ professjonisti, esperti u stakeholders oħra fis-settur tax-xogħol, inkluż rappreżentanti tal-ħaddiema, waqt business breakfast bit-tema ‘Il-ħaddiema f’Malta … Pjan fit-tul.”

Id-diskors ta’ Adrian Delia wasal wara li dawk preżenti tkellmu dwar il-bżonn li dan il-proċess li beda l-Partit Nazzjonalista ma jkunx biss opportunità ta’ darba anke għaliex pajjiżna qed jaffaċċja diversi sfidi li ħafna minnhom mhux jiġu indirizzati, jew inkella mhux ikunu indirizzati bl-urġenza li hemm bżonn.

Qal li bħalma ħames mitt sena ilu l-Kavallieri ġew f’pajjiżna u sabu pajjiż li kien għadu lura mill-iżvilupp, u ħolqu industriji li l-ħsieb tagħhom kien għal mijiet ta’ snin ‘il quddiem, hekk ukoll illum irridu nkunu viżjonarji.

“Fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hemm il-ħaddiem, il-persuni, b’mod speċjali dawk b’paga baxxa li jridu jaħdmu d-doppju biex lejn id-dar jieħu biżżejjed biex jgħix. Qed naqilgħu iktar, jew qed insiru skjavi?” staqsa Adrian Delia lil dawk preżenti.

Staqsa jekk hux inħarsu lejn il-kwalità tal-ħajja tagħna, jekk hux inħarsu lejn il-profitti jew inkella jekk il-poplu tagħna hux kuntent u jekk hux qed jgħix il-ħajja ta’ kwalità li għandu jgħix.

Adrian Delia qal li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista mhux jiċċelebra biss dan il-jum, imma anke f’Jum il-Ħaddiem qed jaħdem biex jara l-isfidi ta’ pajjiżna u jaħseb kif il-futur jista’ jkun aħjar għall-ħaddiema tagħna. Din il-ħidma trid tibda mill-qiegħ, inkluż billi lit-tfal tagħna nosservawhom biex naraw x’inhuma l-ħiliet tagħhom u niggwidawhom.

“Il-Partit Nazzjonalista jrid li ngħixu f’alta aħjar, imma fuq kollox irridu wkoll li l-poplu Malti u Għawdex, kull persuna tgħix ukoll ħajja aħjar,” wiegħed il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Iżda mhux biss. Wissa’ li filwaqt li hu tajjeb li nattiraw il-ħaddiema barranin biex jagħmlu x-xogħol li għandna bżonn, irridu noqgħodu attenti wkoll li ma nitilfux lil uliedna għaliex ma jibqgħux jagħrfu lill-pajjiż li trabbew fih.

Iktar kmieni:

“Fis-settur tax-xogħol pajjiżna għandu bżonn pjan fit-tul biex jegħleb l-isfidi” – Clyde Puli

F’dinja li dejjem iktar qed tinbidel b’mod mgħaġġel, l-isfida mhix biss li noħolqu x-xogħol imma li noħolqu xogħol ta’ kwalità. Għandna bżonn pjan fit-tul biex l-isfidi li jistgħu jżommuna lura, jiġu ndirizzati.

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli  li bid-diskors tiegħu fetaħ konferenza ta’ nofstanhar bit-tema ‘Il-ħaddiema f’Malta … Pjan fit-tul” organizzata f’Jum il-Ħaddiem mill-Partit Nazzjonalista.

Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista din is-sena għażel li jiċċelebra Jum il-Ħaddiem billi jinżel mal-ħaddiema fil-post tax-xogħol tagħhom biex jifhem il-bżonnijiet ta’ setturi differenti.

Mhux biss il-Partit Nazzjonalista organizza numru ta’ żjarat b’delegazzjonijiet immexxija mill-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’postijiet tax-xogħol differenti, iżda wkoll il-fergħa Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista organizzat attività oħra dejjem relatata max-xogħol.

Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ mistoqsijiet fuq l-isfidi li jaffaċċja s-suq, fosthom kif se tkun indirizzata l-problema tal-kera dejjem ogħla fi żmien meta n-negozji Maltin qed ifittxu li jattiraw ħaddiema barrani, kif se tkun indirizzata l-isfida infrastrutturali u kif se tiġi ndirizzata l-problema tat-traffiku.

Qal li pajjiżna għandu bżonn pjan fit-tul għall-bidla li għandna bżonn. “Flimkien, nistgħu nfasslu pjan fit-tul li pajjiżna tant għandu bżonn biex ikompli jimxi ‘l quddiem,” iddikjara Clyde Puli.

“Għandna nagħmlu użu aħjar tal-popolazzjoni Maltija li ma taħdimx” – Godfrey Baldacchino
Professur tas-Soċjoloġija u Pro Rettur tal-Università ta’ Malta

Meta pajjiżna qed ikollu bżonn ammont ġdid ta’ ħaddiema, ir-risposta mhux neċessarjament tkun il-wasla ta’ iktar barranin.

Il-Professur Godfrey Baldacchino, soċjologu, fakkar li pajjiżna għandu numru kbir ta’ nisa, 40,000, li għandhom bejn 16 u sittin sena li mhux fid-dinja tax-xogħol. Dan minbarra pensjonanti li għadhom f’saħħithom u li nistgħu ninċentivawhom li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.

U fid-dawl ta’ influss ta’ barranin li jiġu f’pajjiżna għax-xogħol, il-bidla qed issir madwarna, b’diversi modi. L-iktar ħaġa ovja hi ż-żieda fit-traffiku, rati ta’ twelid, fit-tipjip, fil-prezzijiet tal-kirjiet u proprjetajiet imma ukoll bidliet bħall-użu qawwi tat-trasport pubbliku, roti, ħolqien ta’ negozji u ristoranti etniċi u l-problema tal-Malti.

Il-Professur Baldacchino qal li llum-il ġurnata, ukoll qed naffaċċjaw l-isfida tas-sostenibbiltà. Pajjiżna hu karatterizzat minn storja ta’ emigrazzjoni, tant li fil-passat saħansitra kellna ministru responsabbli mill-emigrazzjoni li xogħlu kien li jiffinanzja l-ivvjaġġar ‘lil hinn minn Malta tal-Maltin.

Il-mistoqsija kbira li pajjiżna kellu meta wasal influss ta’ Kavallieri, illum qed insaqsuha mill-ġdid. F’dak iż-żmien sabu Maltin jiġru madwar il-pajjiżna, jippruvaw jevitaw li jinqabdu mill-furbani iżda l-Ordni xorta waħda għamlet lil pajjiżna bħala l-bażi, fejn damet kważi 250 sena.

“L-għajta tagħna m’għandiex tkun l-ammont ta’ xogħol imma l-kwalità tiegħu” – Gejtu Vella
Konsulent u espert fir-Relazzjonijiet Industrijali

Pajjiżna għaddej grazzi għal dawk li jinvestu f’pajjiżna, iżda ma rridux ninsew li dan irid isir b’rispett lejn il-ħaddiema.  L-għajta ta’ min imexxi f’pajjiżna m’għandiex tkun kemm hawn nies jaħdmu imma kemm għandna nies li b’xogħol wieħed, full time, ikunu kapaċi jsostnu lill-familja tagħhom għaliex jagħmlu xogħol ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tajba.”

Fid-diskors tiegħu, Gejtu Vella qal li l-poplu Malti kapaċi jaħseb fi pjan fit-tul, kif wera fl-2004 meta l-Maltin għażlu li pajjiżna jidħol fl-Unjoni Ewropea. Madankollu qal li issa pajjiżna wasallu ż-żmien għal pjan fit-tul biex pajjiżna verament ikun pajjiż tajjeb għall-Maltin u għall-barranin li jiġu f’pajjiżna biex jaħdmu.

Kien hawn li għamel stedina lill-Partit Nazzjonalista. “Il-Partit Nazzjonalista għandu jibda djalogu mal-istakeholders kollha biex verament nifhmu lill-ħaddiem u naraw min hu s-sinsla ta’ dan il-pajjiż. Ħafna drabi niċċelebraw dan il-jum, imma l-għada mmorru lura fuq il-post tax-xogħol bħalma konna qabel,” appella Gejtu Vella.

“Jekk verament irridu nagħtu s-saħħa lill-imsieħba soċjali, dawn għandom ikunu vera imsieħba fit-tajjeb u fil-ħażin,” qal Vella, filwaqt li appella għas-solidarjetà mal-ħaddiema, u fakkar fir-responsabbiltà politika lejn il-ħaddiema.

“Jekk il-pagi mhux jiżdiedu, waqt li l-ekonomija qed tikber, il-pensjonant ukoll ma jkollux iż-żieda” fakkar Gejtu Vella b’riferenza għall-ħidma biex il-pensjonanti jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.

“L-aħjar mod biex wieħed jara l-futur, hu li jikkreah hu stess” – Joseph Farrugia
Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem (MEA)

Pajjiżna għandu bżonn strateġija li permezz tagħha nifhmu aħjar il-bidliet li qed isiru f’pajjiżna, tindirizza l-problemi li qed naffaċċjaw u b’dan il-mod imbagħad ikunu ndirizzati wkoll l-isfidi li l-ħaddiema f’pajjiżna imma wkoll il-poplu Malti u Għawdxi għandhom.

Iddikjara dan Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-MEA, filwaqt li rrefera għal position paper maħruġa riċentament mill-istess Assoċjazzjoni. ddikjara li l-aħjar mod biex wieħed jara u jifhem il-futur, hu li jikkreah hu stess. Hu nnota kif fl-aħħar snin saret bidla drastika fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna, hekk kif fost l-oħrajn is-settur privat sar l-ikbar settur tax-xogħol.

Hu nnota wkoll bidla demografika, b’influss ta’ barranin għal skop ta’ xogħol. Qal li dan kollu qed ibiddel il-mod kif inħarsu lejn setturi differenti fid-dinja tax-xogħol imma wkoll f’oqsma oħra, bħal dak tal-propjetà, u kif din il-bidla qed tħalli l-effett.

“Sta għall-Gvern li jkollu strateġija nazzjonali biex jara li l-ġid jitqassam b’mod ġust,” iddikjara Farrugia.

“Irridu nsaħħu lill-ħaddiema tagħna bil-ħiliet neċessarji biex jaħdmu” – Dr. Anne Marie Thake
Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta

Pajjiżna mhux biss għandu bżonn ta’ iktar ħaddiema imma għandu wkoll nuqqas ta’ ħiliet fost il-ħaddiema tiegħu.

Iddikjarat dan il-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta, Anne Marie Thake, li ffukat id-diskors tagħha fuq in-nuqqas ta’ ħiliet li l-industriji lokali qed isibu ma wiċċhom. Dan joħroġ minn studju u riċerka li għamlet riċentament fejn min iħaddem spiss innota din il-problema.

Qalet li mhux biżżejjed li wieħed ikollu xogħol, imma hu importanti li l-ħaddiem ikollu l-ħiliet neċessarji biex jagħmel ix-xogħol. Innutat li qed jinħolqu wkoll postijiet tax-xogħol ġodda, għal xogħol innovattiv li jirrikjedi wkoll ħiliet differenti u ġodda. Innutat li min iħaddem ikun irid ħaddiema lesti għad-dinja tax-xogħol, idealment gradwati, għaliex ħafna drabi ma jkunux lesti li jħarrġuhom fuq il-post tax-xogħol.

Thake kompliet li dejjem se jkun hemm differenza bejn il-ħiliet tal-ħaddiema iżda qalet li dwar dan ftit l ixejn hemm studji u hemm bżonn li din il-rpoblema tiġi indirizzata malajr għaliex id-dinja tax-xogħol qed tinbidel. Jekk din il-problema ma tiġix indirizzata, is-sitwazzjoni li min iħaddem ikun sfurzat idur għall-ħaddiema barranin se tippersisti u tikber.

 

“Qed nirriskjaw li nsiru bħall-Għarabja Sawdija, fejn il-poplu jrid xogħol mal-Gvern”- Dr. Philip von Brockdorff
Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta

Ekonomija li dejjem tikber għandha bżonn żieda dejjem ikbar ta’ ħaddiema. Hu għalhekk li nantiċipaw li se jkollna wkoll pressjoni dejjem ikbar fuq il-pressjoni f’pajjiżna. Diġa’ rajna distribuzzjoni mhux daqshekk kbira fil-pagi, daqs kemm rajna żieda fil-profitti, bil-konsegwenza li gawdew l-industriji imma l-paga medja tibqa’ ta’ €18,000 fis-sena.

Innota li l-popolazzjoni ta’ Malta qed tikber u se tkompli tikber, b’bidla demografika li se twassal biex wieħed minn kull erba’ ħaddiema se jkunu barranin.

Fid-dawl ta’ dan semma’ iżda li minkejja din il-bidla b’rata mgħaġġla, pajjiżna qed idum biex janalizza dawn il-bidliet, tant li semma’ li pajjiżna m’għandux indiċi tal-kirjiet tal-proprjetà, minkejja li nafu li din hi waħda mill-ikbar sfidi f’pajjiżna. Tant hu hekk li s’issa, il-Gvern ħabbar biss il-pubblikazzjoni ta’ white paper.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, semma’ r-riskju li l-Maltin jippreferu jaħdmu fis-settur pubbliku, b’żieda fl-aħħar snin fl-ammont ta’ impjegati ġodda mal-Gvern, waqt li s-settur privat jiġi ddominat mill-ħaddiema barranin. Qal li dan qed jagħmel lil pajjiżna bħall-Għarabja Sawdija, fejn il-poplu jrid xogħol mal-Gvern, iżda ddikjara li pajjiżna mhux l-Għarabja Sawdija.

Appella wkoll għal dibattitu biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, inkluż sfidi ġejjin minn barra minn pajjiżna, bħar-riskju għal Malta tal-armonizzazzjoni tat-taxxi, kif mitluba fuq livell Ewropew.

Wara d-diskorsi tal-esperti, issa dawk preżenti qed jgħaddu wkoll il-ħsibijiet tagħhom, bil-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi jfisser it-tema ta’ ‘Pjan fit-Tul’ għal dan il-business breakfast bħala music to our ears. Qal madankollu li pjan fit-tul mhux faċli, anke għaliex iġib sfidi politiċi u jitlob il-bżonn taż-żewġ partiti politiċi.

Ukoll għall-General Workers’ Union, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal li proċess bħal dak imniedi llum mill-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun xi ħaġa ta’ ġurnata, iżda dibattitu kontinwu biex apparti li jiġu indirizzati l-isfidi, infehmu dan ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi. Iddikjara bħala tal-msitħija li anke fl-2018 qed nitkellmu fuq differenza fil-paga abbażi tal-ġeneru, minflok tal-grad li mara jew raġel jagħmlu.

Josef Vella, mill-UĦM Voice of the Workers, qal li pajjiżna sfortunatament kellu falliment fl-edukazzjoni u preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Appella biex ikun hemm firda bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, anke billi jkun hemm ministru tal-edukazzjoni u ieħor għax-xogħol. “Hemm bżonn nirrealizzaw li għandna nkunu effettivi, li l-edukazzjoni tkun il-milja tal-persuni imma li lit-tfal tagħna ntuhom imqar il-ħiliet bażiċi.”

Ikkritika wkoll l-outsourcing, fejn anke entitajiet pubbliċi jgħaddu anke x-xogħol prinċipali tagħhom lill-kuntratturi privati, bil-konsegwenza li tinħoloq inugwaljanza fil-paga għall-istess xogħol fl-istess uffiċċju. Fakkar li qed tinħoloq ukoll problema biex il-ġenituri jaqdu r-responsabbiltà ta’ ħaddiema fl-istess waqt li jaqdu wkoll ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tant li wħud qed ikunu sfurzati jitilqu xogħolhom. Is-suq tax-xogħol irid isir iktar flessibbli, għax iċ-childacre centres ma jistgħux jieħdu r-rwol ta’ ġenituri.

Intervent ieħor kien tal-President tal-Kamra tal-Ispiżjara u Viċi President tas-CMTU Marianne Sant Fournier li talbet enfasi u investiment ferm ikbar fuq ir-riċerka fl-isfond li studji tax-xjenza, fosthom fil-farmaċewtika fejn pajjiżna għandu nuqqas ta’ 200 spiżjar, mhux jattiraw biżżejjed studenti. Saħansitra l-Isptar Mater Dei għandu nuqqas ta’ spiżjara, inkluż fis-swali. Għandna naraw x’qed jiġri u x’qed iwassal għal dan.

Graham Sansone, mill-Union of Professional Educators, tkellem dwar ir-riformi l isaru fl-aħħar snin u tibdil kontinwu fis-sillabu iżda qal li l-edukaturi lokali qed jaffaċċjaw tliet sfidi partikolari: nuqqas ta’ rispett lejn l-edukaturi, li jwassal biex il-professjoni ma tibqax attraenti, ftehim medjokri ffirmati riċentament u pagi medjokri. Staqsa x’se nagħmlu biex jiġu attirati iżjed żagħżagħ, imma wkoll biex edukaturi jibqgħu fil-professjoni.

Joe Woods, mis-settur privat li jagħmel ukoll ħidma fil-volontarjat, qal li pajjiżna għandu bżonn jagħmel viżjoni għaliex “tribu mingħajr viżjoni jintilef.” Pajjiżna kellu l-viżjoni tal-Indipendenza, tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk mexa’ ‘l quddiem, imma llum għandna l-isfida li l-viżjoni jrid joħloqha pajjiżna stess.

Innota kif, waqt li fl-Istati Uniti hemm 60% tal-istudenti li qed jistudjaw iżda li fid-dinja tax-xogħol se jagħmlu xogħol li għadu lanqas inħoloq, f’pajjiżna għadna mhux naħsbu fuq pjan u studju fuq setturi emerġenti bħal dawk tal-Artificial Intelligence u l-Internet of Things.