F’dinja li dejjem iktar qed tinbidel b’mod mgħaġġel, l-isfida mhix biss li noħolqu x-xogħol imma li noħolqu xogħol ta’ kwalità. Għandna bżonn pjan fit-tul biex l-isfidi li jistgħu jżommuna lura, jiġu ndirizzati.
Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli li bid-diskors tiegħu fetaħ konferenza ta’ nofstanhar bit-tema ‘Il-ħaddiema f’Malta … Pjan fit-tul” organizzata f’Jum il-Ħaddiem mill-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista din is-sena għażel li jiċċelebra Jum il-Ħaddiem billi jinżel mal-ħaddiema fil-post tax-xogħol tagħhom biex jifhem il-bżonnijiet ta’ setturi differenti.
Mhux biss il-Partit Nazzjonalista organizza numru ta’ żjarat b’delegazzjonijiet immexxija mill-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’postijiet tax-xogħol differenti, iżda wkoll il-fergħa Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista organizzat attività oħra dejjem relatata max-xogħol.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ mistoqsijiet fuq l-isfidi li jaffaċċja s-suq, fosthom kif se tkun indirizzata l-problema tal-kera dejjem ogħla fi żmien meta n-negozji Maltin qed ifittxu li jattiraw ħaddiema barrani, kif se tkun indirizzata l-isfida infrastrutturali u kif se tiġi ndirizzata l-problema tat-traffiku.
Qal li pajjiżna għandu bżonn pjan fit-tul għall-bidla li għandna bżonn. “Flimkien, nistgħu nfasslu pjan fit-tul li pajjiżna tant għandu bżonn biex ikompli jimxi ‘l quddiem,” iddikjara Clyde Puli.
//= $special ?>