Lokali

Il-Forum għall-Intrapriżi Żgħar u Medji jirringrazzja lill-impjegati u lill-ħaddiema kollha

Ritratt: Arkivji (Martin Agius)

Fid-dinja tal-lum, li wieħed juri apprezzament saret xi ħaġa dejjem aktar rari, u dan jgħodd ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol, fejn minħabba l-ġirja sfrenata kontra l-ħin qed twassal biex ħaddiem bieżel mhux qed jingħata l-apprezzament meħtieġ.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem għal din is-sena, il-Forum għall-Intrapriżi Żgħar u Medji fi ħdan il-Partit Nazzjonalista irid jingħaqad mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali u l-intrapriżi lokali sabiex jirringrazzja lill-impjegati u lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi li jagħmlu.

Il-Forum SMEPN japprezza d-dedikazzjoni ta’ kull impjegat, dedikazzjoni li twassal għat-tisħiħ tal-kumpaniji lokali kif ukoll tal-ekonomija tal-pajjiż. Il-Forum irid ukoll minn naħa l-oħra juri l-apprezzament tal-poplu Malti fil-konfront tas-sidien tal-intrapriżi lokali, li mhux biss jipprovdi x-xogħol iżda ukoll jagħmlu dak kollu possibbli biex jipprovdu l-aħjar servizz lil kulħadd.

Fl-aħħarnett, il-Forum SMEPN jawgura li l-messaġġi li bħal lum jinstemgħu mad-dinja kollha, ma jkunux biss messaġġi tal-okkażjoni, iżda l-kliem jitpoġġa fil-prattika ħalli d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jitjiebu u jkunu dejjem rispettati. Pajjiż li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema, awtomatikament iħares ukoll b’mod ġenwin id-drittijiet umani.