Il-Kardinal Awstraljan, George Pell, li hu t-Teżorier tal-Vatikan, għandu jkun ipproċessat bil-qorti fir-rigward ta’ reati sesswali, fosthom ‘każi allegati ta’ aggrediment’, u meta wħud mill-akkużi jmorru lura għal ħafna snin.
Il-Kardinal, intant, qed jinsisti formalment li mhux ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu u wara li hu dejjem żamm ma’ din il-pożizzjoni.
Maġistrata fl-Awstralja deċidiet li hemm biżżejjed provi biex il-każ kontra Pell ‘jipproċedi għal ġuri li se jitratta wħud mill-akkużi, iżda mhux oħrajn’.
Il-Kardinal Pell, li għandu 76 sena, hu l-aktar personalità Kattoliku prominenti tal-Awstralja minbarra li hu wkoll wieħed mill-aktar uffiċjali influwenti fil-Vatikan.
Hu ingħata skorta kbira tal-pulizija meta, fl-aħħar sigħat, daħal fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Melbourne, fil-preżenza ta’ folla mdaqsa u għexieren ta’ rappreżentanti tal-media.
Il-Kardinal Pell, li hu kunsidrat bħala ‘t-tielet l-aktar uffiċjal importanti’ fil-Vatikan, is-sena l-oħra kien issospenda xogħlu mas-Santa Sede biex jiġġieled kontra dawn l-akkużi fl-Awstralja. Dan meta ħafna mill-provi li tressqu fil-każ tiegħu jibqgħu kunfidenzjali.
S’issa, intant, hu magħruf li – fi kliem l-avukat difensur ta’ Pell – ‘ma ntlaqgħux l-aktar allegazzjonijiet vili’ fil-konfront tal-Kardinal.
Kien f’Ġunju li għadda meta l-Pulizija fl-Istat ta’ Victoria akkużaw lill-kardinal ‘rigward akkużi storiċi li jinvolvu numru ta’ nies li kienu ilmentaw mill-aġir ( ta’ Pell)’.
Sadanittant, il-Kardinal qed ikompli jirrifjuta l-akkużi bħala ‘foloz’ hu u jinsisti dwar l-innoċenza tiegħu.
//= $special ?>

