L-awtoritajiet tal-Korea t’Isfel bdew iżarmaw in-network tal-loudspeakers tul il-fruntiera komuni mal-Korea ta’ Fuq, bil-kelliema f’Seoul jindikaw li l-ġar komunista ‘kien qed jagħmel l-istess’ fuq in-naħa tiegħu.
L-Istati Koreani rivali kienu ilhom is-snin jużaw is-speakers għal messaġġi ta’ propaganda ‘indirizzati lil xulxin’ u l-fatt li s-speakers qed jitneħħew jirrifletti l-impenn għall-ġesti simboliċi li għaddejjin bħalissa wara s-summit storiku tal-ġimgħa l-oħra bejn il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.
Iż-żewġ mexxejja qablu li jtemmu l-ostilitajiet u li jaħdmu fuq proċessi għad-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.
Sadanittant, Kim Jong-un mistenni jiltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex jiddiskuti l-kwistjoni. Il-laqgħa mistennija ssir ftit tal-ġimgħat oħra.
Is-speakers tal-Korea t’Isfel bdew jiffunzjonaw għall-ewwel darba fis-snin sittin u minn dak iż-żmien huma xandru sensiela ta’ aħbarijiet u mużika popolari bil-għan li ‘jimpressjonaw’ lis-suldati Koreani komuniti man-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-għan wara x-xandiriet kien biex il-militar tal-Korea ta’ Fuq ‘jiddubita’ il-kredibbiltà tal-mexxejja komunisti.
Kien ukoll sinifikanti li l-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq kienu waqqfu x-xandiriet mal-fruntiera qabel is-summit ta’jiem ilu bejn Kim Jong-un u Moon Jae-in.
//= $special ?>

