Lokali Parlament

IL-QTIL TA’ CARUANA GALIZIA: Żvelat isem is-Surġent li informa lill-akkużati bir-raid

Il-Kummissarju tal-Pulizija kien jaf, iżda aġevolah

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żvela li l-uffiċjal tal-pulizija li nforma lill-akkużati involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bir-rejd li kien se jsir fuqhom hu l-uffiċjal Aldo Cassar u li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu din l-informazzjoni iżda m’għamel xejn anzi aġevola lill-istess uffiċjal tal-pulizija.

Fl-Aġġornament d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-korruzzjoni istituzzjonalizzata qed titwettaq bil-barka tal-Prim Ministru.

Hu rrifera għall-interrogazjzoni li saret lill-akkużati tal-qtil ta’ Caruana Galizia fejn is-Surġent qal lil wieħed mill-akkużati li l-pulizija kienu ġejjin għalihom. Is-Surġent staqish ukoll min qallhom u kif kienu jafu. Dan hu fatt serju għaliex suppost l-operazzjoni kienet sigrieta.

“Anki fuq ħaġa bħal din gidbu, qarqu u daħku bin-nies”, sostna Jason Azzopardi, li qal li hu diġà appella biex issir inkjesta dwar il-mod kif inħarġet din l-informazzjoni, fuq ordni ta’ min aġixxa u x’interess kellu.

Il-Gvern baqa’ sieket quddien din it-talba, sostna Jason Azzopardi, li kompla li l-pulizija taw indikazzjoni għaliex seħħ dan.

Jason Azzopardi kompla li kien hemm numru kbir ta’ mobiles li intremew fil-baħar mill-akkużati u staqsa kif ġiethom il-muża li jarmu l-mobiles. Fil-gvern hemm min għandu interess jaħbi t-traċċi ta’ ċertu affarijiet. Dan kien każ ta’ ksur tas-sigurtà tal-pajjiż fejn illum uħud mill-pulizija korrotti min-naħa ta’ fuq għandhom ċertu interessi. Dan n-nuqqas espona għall-periklu lill-uffiċjali tal-pulizija u tal-FAM li ħadu sehem fl-operazzjoni biex jinqabdu l-akkużati.

Daphne Caruana Galizia dejjem staqsiet għaliex il-Prim Ministru sejjaħ elezzjoni kmieni, sostna Jason Azzopardi, li qal li d-data kienet deċiża fir-Rebbiegħa 2017.

Il-website ‘L-Aqwa Żmien’ kienet reġistrata fis-7 ta’ April 2017 waqt li f’Marzu kienet deċiża li ssir elezzjoni; sena qabel. L-elezzjoni ssejħet kmieni mhux minħabba kriżi ekonomika, jew minħabba Egrant jew minħabba li l-Prim Ministru kien naqqas il-popolarità.

Id-deputat Nazzjonalista qal li, skont il-La Repubblica, fir-rebbiegħa 2017 Daphne Caruana Galizia bdiet tosserva lil Socar fejn f’dan il-perjodu Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet 680,000 file riservat. Il-gvern sar jaf b’dan u kien għalhekk li l-gvern ħabbar l-elezzjoni. Dawn juru li l-poplu qed iħallas id-doppju għall-gass għax is-Socar tixtri mingħand ix-Shell u tbigħ lill-gvern Malti id-doppju bi qligħ ta’ €40 miljun. Fil-kumpanija 17 Black il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom pjan bil-miktub li jdaħħlu €150,000 fix-xahar.

Il-gvern sar jaf li l-mument li l-files ġew f’idejn Caruana Galizia ħarġitilha l-kundanna tal-mewt. Il-gvern ma seta’ qatt jippermetti li jkollu qtil ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali.

F’Ġunju 2012 l-ġurnalist ta’ il-mument Joe Mikallef ippubblika stejjer dwar iż-żjara tal-Prim Ministru attwali fil-Libja fejn jirriżulta li Surġent tal-pulizija stazzjonat l-immigrazzjoni tela’ fuq ajruplan sejjer lejn Tripli, għajjat Libjan, dan qam u l-pulizija niżlu u tellgħu fuq privat jet fejn kien hemm Joseph Muscat sejjer il-Libja. F’Ġunju 2013 faqqa’ l-iskandlu tal-VISAs u dan il-pulizija kien trasferit lejn l-Economice Crimes Unit taħt l-uffiċjal tal-pulizija Daniel Zammit, it-tifel tal-ex Kummissarju. Jirriżulta li dan is-surġent ħareġ diversi stediniet lil persuni biex jieħdu l-visa mill-konsolut fi Tripli. Din hi xi ħaġa illegali.

Wara, dan kien trasferit fit-taqsima tal-informazzjoni sensittiva tal-pulizija, li taħdem mas-CID. Ftit ġimgħat ilu l-Kummissarju tal-Pulizija kien informat li saret telefonata ms-surġent involut Aldo Cassar lil wieħed mill-akkużati ftit siegħat qabel ir-rejd biex javżahom li kien se jsir ir-rejd u se jkunu arrestati. Il-Kumissarju bagħtu għas-Surġent u qallu li saru jafu iżda qallu biss li se jittrasferih u tah għażla bejn l-RIU u għassa tal-pulizija. Dan mar f’għassa minkejja ksur tal-liġi.

Il-Gvern reġa’ jinsab flimkien mal-kirminali kif kien f’Tal-Barrani.

Il-Kummissarju għandu jirriżenja għax jinsab fuq in-naħa tal-kriminali. Il-Gvern hu kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax xis-swba se jippuntaw lejn in-nies li qed iddaħħlu l-miljuni mill-korruzzjzni tal-Electrogas u tas-Socar, sostna Jason Azzopardi.

Stqarrija tal-Pulizija

19-il minuta wara l-ħin ta’ nofs il-lejl, ħarġet stqarrija mill-Pulizija dwar dak li qal Jason Azzopardi fil-Parlament.

Il-Korp tal-Pulizija sostna li s-Surġent Aldo Cassar ma kienx jaf bl-informazzjoni tar-raids li saru mill-Pulizija. Filwaqt li l-Pulizija qed tirrifjuta l-akkuża li kien hemm tip-off, ikkonfermaw li dak li qal id-deputat Jason Azzopardi intqal ukoll fil-Qorti.