Lokali

“L-emendi huma prematuri u jdgħajfu l-protezzjoni tal-embrijun uman” – Andrew Azzopardi

Id-Dekan tal-Fakulta' tas-Social Wellbeing jippreżenta 10 puni, ibbażati fuq il-ħarsien tat-tfal mill-konċepiment

“L-emendi tal-Gvern għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni qed isiru b’għaġla, u b’mod prematur”.

Hekk stqarr id-Dekan tal-Fakulta’ tas-Social Wellbeing fl-Universita’ ta’ Malta, Andrew Azzopardi, f’komunikat lill-media maħruġ dalgħodu fejn preżenta 10 puni b’reazzjoni għall-istess emendi – punti bbażati fuq il-ħarsien tat-tfal mill-konċepiment.

Azzopardi, producer u preżentatur ta’ diversi programmi tar-radju u fuq it-televiżjoni, sostna li l-bidliet li ġew preżentati jdgħajfu serjament il-protezzjoni tal-embrijun u l-enfasi fuq id-dinjita’ tal-bniedem. Filwaqt li għamilha ċara li hi x-xjenza li tikkonferma meta tibda l-ħajja umana; ħajja li tibda mill-mument tal-fertilizzazzjoni.

Stqarrija iebsa li tiżdied mal-kor ta’ kritika u kundanna lejn il-Gvern li kompla jikber minn kull sfera tas-soċjeta’ inkluż tobba u professjonisti mediċi.

Fl-aħħar jiem, l-eks Ministru Laburista George Vella, l-eks Deputat u kandidata laburista Deborah Schembri kif ukoll il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, kollha qablu li l-Gvern qed jgħaġġel u li għandu jkun hemm konsultazzjoni ta’ veru dwar l-introduzzjoni tas-surrogacy u l-iffriżar tal-embrijuni.

Azzopardi ukoll appella għal riflessjoni quddiem din il-materja sensittiva. Fost l-oħrajn, jitfa’ dawl fuq it-tbatija psikoloġika li tista’ taffetwa mara li tkun surrogate għal tarbija ta’ koppja oħra – xi ħaġa li wieħed irid jistudja sew, u mingħajr għaġla.

Is-surrogacy tista’ tkun ukoll għodda li tisfrutta nisa li huma fi bżonn ta’ għajnuna finanzjarja, qal Azzopardi fl-istqarrija tiegħu.

Fl-aħħarnett, hu appella għall-kawtela quddiem deċiżjonijiet li jaf ikollhom impatt kbir għas-snin li ġejjin.