Internazzjonali

L-Iran ‘igiddeb’ lil Iżrael fil-kwistjoni nukleari

 

L-Iran irrefera għall-Prim Ministru ta’ Iżrael bħala ‘giddieb sfaċċat’, b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet li hu għamel dwar programm sigriet ‘tal-Iranjani’ għall-armamenti nukleari. Id-dettalji żvelati mill-Mexxej Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, kellhom reazzjoni mħallta fost il-potenzi tal-Punent, meta l-Istati Uniti, ftit jiem oħra, tiddeċiedi jekk tirtirax mill-ftehim nukleari tal-2015 bejn il-potenzi u l-Gvern Iżlamiku f’Tehran.

Min-naħa tagħha, Franza qalet li parti mill-informazzjoni ‘ta’ Netanyahu’ ilha magħrufa mill-2002, bil-kelliema f’Pariġi jesiġu l-importanza li jkompli l-ftehim storiku tal-2015.

Madankollu, l-Istati Uniti qed tqis l-allegazzjonijiet ta’ Netanyahu bħala ‘provi’ li l-Iranjani ma kellhomx intenzjonijiet ġenwini meta ssieħbu fil-ftehim. Il-President Amerikan, Donald Trump, li tkellem diġà kontra l-ftehim nukleari mal-Iran, għandu sat-12 ta’ Mejju biex jiddeċiedi jekk jirtirax l-impenn tal-Istati Uniti jew le. Dan meta l-pajjiżi li ffirmaw il-ftehim, fosthom Franza u r-Renju Unit, qed jgħidu li l-patt għandu jibqa’ effettiv u li l-Iran kien qed jirrispetta l-kriterji tal-ftehim.

Netanyahu, fil-bidu tal-ġimgħa, ippreżenta ‘provi dwar eluf ta’ dokumenti nukleari sigrieti li wrew li l-Iran kien gideb dwar l-ambizzjonijiet tiegħu’ qabel l-iffirmar tal-ftehim fl-2015.

Intant, il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin irribatta l-allegazzjonijiet ta’ Netanyahu bħala ‘skaduti u bla bażi’ waqt li sostna li l-atteġġjament tal-Prim Ministru Iżraeljan għandu jnissel ‘sens ta’ għajb’. Il-Ministru Iranjan, Javad Zarif, fl-istess ħin, akkuża lil Iżrael dwar ‘attentat biex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-Istati Uniti dwar jekk tkomplix bil-ftehim nukleari’.