Lokali

Muscat jisfida dwar l-iffriżar tal-embrijuni: Se jdaħħal l-iffriżar akkost ta’ kollox

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux talli qed ikompli jinsisti li jgħaġġel biex idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni, iżda talli issa ħa din l-insistenza min-naħa tiegħu fuq livell ġdid.

Dan hekk kif meta kien qed jindirizza mass meeting Laburista fi Pjazza Tritoni, Muscat qall lill-folla Laburista li l-iffriżar tal-embrijuni se jdaħħlu akkost ta’ kollox, anke jekk jibqa’ hu biss l-unika wieħed li jrid jagħmel dan.

Il-minoranza li kien qed jitkellem dwarha Muscat hija dawk il-persuni li sal-lum, mingħajr l-iffriżar tal-embrijuni, xorta jistgħu jagħmlu l-IVF b’liġi li kien daħħal Gvern Nazzjonalista fl-2012 u li qed tagħti riżultati tajbin għal min ma jkunx jista’ jsir ġenitur b’mod naturali.

Muscat qed jinsisti li jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni minkejja l-vuċi ta’ oqsma differenti tal-poplu li ma jaqblux li umani fi stat embrijoniku jkunu ffriżati. Saħansitra Muscat injora appell mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li appellat għal konsultazzjoni aktar serja dwar dan.

Fl-istess meeting Laburista, li sar jumejn wara manifestazzjoni favur il-ġustizzja u l-verità li għaliha attendew eluf ta’ persuni, Muscat injora għal kollox dan l-appell favur il-ġustizzja.

Filfatt, hu ma lissinx kelma waħda li hi waħda dwar l-istejjer kollha li ħarġu fil-ġimgħat li għaddew u li poġġew lil Malta fuq il-faċċati tal-gazzetti internazzjonali għar-raġunijiet il-ħżiena kollha – fosthom storja li tikkonferma li daħlu flus f’kont bankarju f’Dubaj assoċjat mal-kumpaniji sigrieti tal-eqreb tnejn min-nies ta’ Muscat.

Fil-meeting Laburista, li ssejjaħ minn Muscat stess biex jinċita lil dawk li attendew kontra dawk li ma jaqblux mal-korruzzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem ukoll dwar is-suq tal-kerha fejn wissa dwar restrizzjonijiet ġodda li l-Gvern se jkun qed idaħħal għal dan il-qasam.

Dwar is-settur tal-housing soċjali, Muscat qal li mill-flus tal-bejgħ tal-passaporti, se jkun qed jibni units ġodda tal-housing.