Paniku fuq ajruplan tal-Air Malta meta passiġġier prova jiftaħ il-bieba ta’ ajruplan f’titjira lejn l-Olanda.
Il-każ seħħ fuq ajruplan tal-Air Malta meta waqt it-titjira KM394, il-passiġġier għal xi raġuni prova jiftaħ il-bieb tal-ajruplan.
Fl-isfond tal-paniku li nħoloq fuq l-ajruplan, kellhom ikunu passiġġieri fuq l-istess titjira li qamu u waqqfu lir-raġel bil-forza.
Il-passiġġier li prova jiftaħ il-bieba tal-ajruplan aktar tard kellu jintrabat ma’ siġġu tal-ajruplan filwaqt li passiġġieri oħra kellhom jibqgħu għassa tiegħu tul it-titjira kollha.
Minn informazzjoni li għandu NET News, ir-raġel ġie arrestat mill-Pulizija Olandiża malli l-ajruplan għamel l-inżul fl-ajruport ta’ Schiphol, f’Amesterdam, għall-ħabta tas-siegħa neqsin għaxra ta’ waranofsinhar.
Filfatt, jidher li malli l-ajruplan għamel l-inżul, il-passiġġieri kollha tniżżlu mill-ajruplan ħlief il-persuna li provat tiftaħ il-bieba. Hu kien arrestat mill-Pulizija wara li l-ajruplan kien tbattal mill-kumplament tal-passiġġieri.
Minkejja dan l-inċident, jidher li l-passiġġieri u l-crew kollu tat-titjira KM394 ma baqgħux f’sitwazzjoni ta’ periklu.