Dalgħodu n-nies ta’ Bormla qamu maħsuda hekk kif saru jafu li tkisret parti min-niċċa tal-vara devota tal-Kunċizzjoni. L-inċident seħħ wara li ċeda parti mis-saqaf tan-niċċa tal-Kunċizzjoni.
Il-vara devota tal-Kunċizzjoni ma ġarrbet l-ebda ħsara, għalkemm inkisru partijiet mill-bradella tal-istess vara.
Fuq Facebook, il-Grupp Voluntiera tas-Santwarju u Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla qal li membri ta’ dan il-grupp indunaw b’dak li kien ġara meta kienu qed jiftħu n-niċċa tal-Kunċizzjoni biex iħejju l-vara għar-restawr li għandu jsir fuqha.
“Sibna li biċċa mis-saqaf tan-niċċa waqgħet minħabba li nfaqgħet ix-xibka. Kawża ta’ dan, sar xi ħsara fil-bradella u l-bankun”, kiteb il-grupp fuq Facebook waqt li appella għall-qlub ġenerużi tan-nies biex ikopru l-ispejjeż għat-tiswijiet.
Filfatt, tul din il-ġimgħa, il-vara tal-Immakkulata se tkun barra u n-niċċa se tinżamm miftuħa biex il-pubbliku jkun jista’ jara iktar mill-qrib dak li ġara.
Sadanittant, NET News jinsab infurmat li diġa’ bdiet il-ħidma biex isiru t-tiswijiet neċessarji.
//= $special ?>