Lokali

RITRATTI: L-Amerikani jirbħu l-festival tan-nar

Kamra tan-nar Maltija klassifikata fit-tieni post

Ilbieraħ ġie fi tmiemu l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li kien imqassam fuq tlett ijiem bi spettaklu ta’ mużika u logħob tan-nar. Dan il-festival ilu jsir 17-il sena.

Fil-kompetizzjoni, Rozzi Fireworks mill-Istati Uniti ħadu l-ewwel post, b’St Mary Fireworks Factory ta’ Ħal Għaxaq jieħdu t-tieni post, u Phoenix Fireworks mill-Ingilterra u Martarello SRL mill-Italja ġew fit-tielet u r-raba’ post, rispettivament.

L-ispettaklu ta’ din is-sena reġa’ kien mifrux f’Għawdex, f’Marsaxlokk u l-aħħar lejl fil-Port il-Kbir, il-Belt Valletta.

L-attivitajiet ġew fi tmiemhom b’murtali tal-ajru flimkien ma’ orkestra u mużika live, li kienet qiegħda fuq palk fuq wiċċ l-ilma fil-Port.

Bħala parti mill-ispettaklu kien hemm il-kantanti lokali Glen Vella u Amber.

Intant, numru ta’ dilettanti pirotekniċi li tkellmu ma’ Net News esprimew id-diżappunt tagħhom li dan l-avveniment sar aktar mużika milli piroteknika. Oħrajn qalulna li għalkemm l-ispettakli kienu sbieħ, donna ftit qed jingħata spazju lin-nar tradizzjonali Malti, u l-kmamar tan-nar lokali.

Ritratti: Koala Media