Internazzjonali

Is-Sirja: Militanti jitilqu minn zona ta’ Damasku waqt il-ħelsien ta’ ostaġġi

Gruppi ta’ militanti bħalissa qed joħorġu ‘il barra minn zona lejn in-nofsinar tal-kapitali, Damasku. Dan waqt li għexieren ta’ ostaġġi li, qabel, kienu miżmuma minn militanti fit-Tramuntana tas-Sirja  qed jaslu f’inħawi tas-sigurtà stabbiliti mill-Armata.

L-aħħar rapporti qalu li ‘inħelsu għexieren ta’ persuni ( ostaġġi) fil-fażi bikrija tal-ftehim’, b’dawn jaqsmu minn aċċess viċin il-belt ta’ Aleppo lejn territorji kontrollati mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan. Il-meħlusa — li kienu jinkludu nisa u tfal – kienu spiċċaw f’idejn ribelli Iżlamiċi li okkupaw villaġġ qalb it-territorji rurali ta’ Idlib wara li daħlu f’dik il-provinċja tliet snin ilu.

Sadanittant, osservaturi lejn in-nofsinar ta’ Damasku rappurtaw dwar ‘numru ta’ xarabanks li kienu qed iwasslu madwar 200 ġellied u qrabathom ‘il barra miz-zona ta’ Yarmouk’. Dan seta’ iseħħ fuq bażi ta’ skambju bejn il-Gvern Sirjan u l-militanti.

Il-ġellieda inkwistjoni, membri tal-grupp Hayat Tahrir al-Sham ( eks-alleat tal-moviment al-Qaeda) kellhom jaslu f’Idlib, li jinsab qrib il-fruntiera Sirjana mat-Turkija.

Il-militar tal-President Sirjan, Bashar al-Assad u l-alleati tiegħu ilhom jinsistu, għal dawn l-aħħar ġimgħat, biex jeliminaw l-aħħar fortizzi tal-militanti u ribelli li qed jikkumbattu lill-Armata tar-reġim madwar il-kapitali Damasku. Dan waqt sensiela ta’ offensivi u ftehim ma’ militanti u ribelli ‘biex huma jirtiraw miz-zoni speċifiċi’.

It-territorji lejn in-nofsinar ta’ Damasku jinkludu zoni taħt il-kontroll tat-terroristi tal-ISIS, b’zoni oħrajn ikunu kontrollati minn diversi entitajiet ta’ ribelli li anki ġġieldu kontra xulxin fl-aħħar ġimgħat.

L-istess territorji provdew iz-zona għall-aħħar battalji intensivi bejn il-qawwiet ta’ Assad u r-ribelli mindu l-Armata Sirjana, ix-xahar li għadda, ħatfet lura l-artijiet tal-Lvant ta’ Ghouta, bl-appoġġ tal-qawwiet tar-Russja u l-Iran.