L-isfidi li d-dinja tax-xogħol qed tiffaċċja f’pajjiżna kienet il-qofol tad-diskorsi ta’ numru ta’ professjonisti waqt il-business breakfast ‘Il-ħaddiema f’Malta … Pjan fit-tul.” Organizzat mill-Partit Nazzjonalista.
Meta pajjiżna qed ikollu bżonn ammont ġdid ta’ ħaddiema, ir-risposta mhux neċessarjament tkun il-wasla ta’ iktar barranin.
Iddikjara dan il-Professur Godfrey Baldacchino, soċjologu li fakkar li pajjiżna għandu numru kbir ta’ nisa, 40,000, li għandhom bejn 16 u sittin sena li mhux fid-dinja tax-xogħol. Dan minbarra pensjonanti li għadhom f’saħħithom u li nistgħu ninċentivawhom li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.
Gejtu Vella, Konsulent u espert fir-Relazzjonijiet Industrijali qal li pajjiżna qed jimxi ‘l quddiem grazzi għal dawk li jinvestu f’pajjiżna, iżda ma rridux ninsew li dan irid isir b’rispett lejn il-ħaddiema.
L-għajta ta’ min imexxi f’pajjiżna m’għandiex tkun kemm hawn nies jaħdmu imma kemm għandna nies li b’xogħol wieħed, full time, ikunu kapaċi jsostnu lill-familja tagħhom għaliex jagħmlu xogħol ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tajba.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem, Joe Farrugia, qal li pajjina għandu bżonn strateġija li permezz tagħha nifhmu aħjar il-bidliet li qed isiru f’pajjiżna, tindirizza l-problemi li qed naffaċċjaw u b’dan il-mod imbagħad ikunu ndirizzati wkoll l-isfidi li l-ħaddiema f’pajjiżna imma wkoll il-poplu Malti u Għawdxi għandhom. “Sta għall-Gvern li jkollu strateġija nazzjonali biex jara li l-ġid jitqassam b’mod ġust,” iddikjara Farrugia.
Bil-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta, Anne Marie Thake, qalet li pajjiżna mhux biss għandu bżonn ta’ iktar ħaddiema imma għandu wkoll nuqqas ta’ ħiliet fost il-ħaddiema tiegħu u hu ghalhekk li min ihaddem qed ikollu jdur għall-barranin.
Innutat li qed jinħolqu wkoll postijiet tax-xogħol ġodda, għal xogħol innovattiv li jirrikjedi wkoll ħiliet differenti u ġodda.
Min-naħa tiegħu l-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta, Philip von Brockdorff semma’ r-riskju li l-Maltin jippreferu jaħdmu fis-settur pubbliku, b’żieda fl-aħħar snin fl-ammont ta’ impjegati ġodda mal-Gvern, waqt li s-settur privat jiġi ddominat mill-ħaddiema barranin. Qal li dan qed jagħmel lil pajjiżna bħall-Għarabja Sawdija, fejn il-poplu jrid xogħol mal-Gvern, iżda ddikjara li pajjiżna mhux l-Għarabja Sawdija.
F’interventi minn dawk preżenti, il-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi fisser it-tema ta’ ‘Pjan fit-Tul’ għal dan il-business breakfast bħala music to our ears.
Ukoll għall-General Workers’ Union, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja ddikjara bħala tal-mistħija li anke fl-2018 qed nitkellmu fuq differenza fil-paga abbażi tal-ġeneru, minflok tal-grad li mara jew raġel jagħmlu.
Josef Vella, mill-UĦM Voice of the Workers, qal li pajjiżna sfortunatament kellu falliment fl-edukazzjoni u preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Appella biex ikun hemm firda bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, anke billi jkun hemm ministru tal-edukazzjoni u ieħor għax-xogħol.
Ikkritika wkoll l-outsourcing, fejn anke entitajiet pubbliċi jgħaddu anke x-xogħol prinċipali tagħhom lill-kuntratturi privati, bil-konsegwenza li tinħoloq inugwaljanza fil-paga għall-istess xogħol fl-istess uffiċċju. Fakkar li qed tinħoloq ukoll problema biex il-ġenituri jaqdu r-responsabbiltà ta’ ħaddiema fl-istess waqt li jaqdu wkoll ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tant li wħud qed ikunu sfurzati jitilqu xogħolhom.
Intervent ieħor kien tal-President tal-Kamra tal-Ispiżjara u Viċi President tas-CMTU Marianne Sant Fournier li talbet enfasi u investiment ferm ikbar fuq ir-riċerka fl-isfond li studji tax-xjenza, fosthom fil-farmaċewtika fejn pajjiżna għandu nuqqas ta’ 200 spiżjar, mhux jattiraw biżżejjed studenti.
Graham Sansone, mill-Union of Professional Educators, qal li l-edukaturi lokali qed jaffaċċjaw tliet sfidi partikolari: nuqqas ta’ rispett lejn l-edukaturi, li jwassal biex il-professjoni ma tibqax attraenti, ftehim medjokri ffirmati riċentament u pagi medjokri.
Joe Woods, mis-settur privat li jagħmel ukoll ħidma fil-volontarjat, qal li pajjiżna għandu bżonn jagħmel viżjoni għaliex “tribu mingħajr viżjoni jintilef.” Pajjiżna kellu l-viżjoni tal-Indipendenza, tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk mexa’ ‘l quddiem, imma llum għandna l-isfida li l-viżjoni jrid joħloqha pajjiżna stess.
//= $special ?>