Ambjent Lokali

“Bżonn ta’ sistema ta’ punti anki għal dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni” – MDA

Waħda mill-ewwel proposti mill-kumitat il-ġdid tal-MDA, il-Malta Developers Union hija li tiddaħħal forma ta’ penalizazzjoni ta’ punti lil dawk il-kuntratturi u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-bini li jiksru r-regoli li suppost jimxu magħhom.

Dan ħareġ minn laqgħa li l-istess MDA kellha mal-Gvern fejn fost l-oħrajn qalet li l-għan tagħha huwa li tħares l-ewwel u qabel kollox lill-industrija tagħha iżda wkoll l-għan tagħha huwa li tħares lil dawk fil-madwar. Fl-istess laqgħa ntqal bosta drabi li dawk li qed jgħixu qrib l-iżvilupp għandhom dritt li jgħixu fil-kwiet.

Sandro Chetcuti l-President tal-MDA qal li bħala union il-bibien tagħha mhux biss kienu miftuħin għall-ħaddiema fil-qasam tal-iżvilupp biss iżda wkoll għal dawk li kellhom ilmenti fuq l-istess ħidma mill-kontratturi tal-bini. Chetcuti qal li permezz t’hekk kien qed jisma’ ż-żewġ naħar u għalhekk li l-union qed tipproponi din l-idea tal-punti.

“Malta ma tridx tkun kollha kemm hi ‘construction site'”.

L-MDA min-naħa tagħha sostniet li mhux tajjeb li f’Malta jkollna biss kostruzzjoni u għalhekk qalet li trid issib bilanċ. Huwa qal li fuq bażi ta’ żvilupp hemm bżonn li nħarsu aktar il-patrimonju ta’ pajjiżna.