Lokali

FILMAT: Christabelle bl-ewwel prova teknika f’Lisbona

Taboo fit-tnax-il post tat-tieni semi tal-Eurovision

Disat ijiem bogħod mis-semi-finali ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest, Christabelle Borg l-Erbgħa bdiet bil-provi tekniċi fuq il-palk tal-Altice Arena, f’ Lisbona.

Christabelle t-Tlieta ħalliet Malta għall-kapitali Portugiża akkumpanjata mid-delegazzjoni Maltija u għadd ta’ qrabat, ħbieb u ammiraturi tal-Eurovision li f’kummenti raddet ħajr tal-appoġġ lejha bħala r-rappreżentanta Maltija.

Qabel l-ewwel prova teknika fuq il-palk, Borg qalet li tinsab tajba u stqarret l-eċitament kbir tagħha li tkanta l-kanzunetta Taboo fuq il-palk majestuż b’teknoloġija avvanzata. Din il-prova hija determinanti biex jiġu ndirizzati xi affarijiet b’rabta mal-wirja fuq il-palk u jsiru l-emendi meħtieġa.

Il-kompetizzjoni f’dan il-festival ma tonqosx u għalhekk sar ħafna xogħol tul dawn l-aħħar 3 xhur biex il-pakkett finali ta’ Christabelle jkun wieħed professjonali. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-persuni awtorizzati fuq il-palk, Christabelle se tkun akkumpanjata minn 4 backing vocals u żeffiena.

Christabelle se tkanta fit-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest tal-Ħamis 10 ta’ Mejju fit-tnax il-post biex mbagħad jekk il-kanzunetta tgħaddi, tkanta fil-finali tas-Sibt 12 ta’ Mejju. Għalkemm Malta qatt ma rebħet dan il-festival, hija rreġistrat it-tieni post darbtejn fl-2002 u l-2005. L-aħħar darba li Malta kkwalifikat għall-finali kien sentejn ilu meta Ira Losco kklasifikat fit-12-il post bil-kanzunetta Walk on Water.