Lokali

FILMAT: Il-PN favur il-possibbiltà li kulħadd ikollu l-ulied mingħajr qtil ta’ ħajjiet umani

Meta l-Partit Nazzjonalista għadda l-Liġi tal-IVF b’mod unanimu, tkellem ma’ kull persuna possibbli biex din issir fl-interess ta’ kulħadd. Minn dakinhar sal-lum, il-Partit Nazzjonalista kien u għadu favur il-possibbiltà li kulħadd għandu jingħata ħalli jkollu l-ulied mingħajr ma tinqabeż il-linja waħda ta’ qtil għall-ħajja umana.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llejla kien il-mistieden ta’ Frank Psaila waqt il-programm “Iswed fuq l-Abjad” fuq NET Television.

Adrian Delia qal li dawn it-tmien xhur, kemm ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienu xhur ta’ ħidma li ssarrfet f’tiġdid biex il-magna, il-kumitati u l-fergħat tal-Partit issa qed jaħdmu b’ritmu tajjeb.

Spjega li qed jagħżel li juża’ anqas ħin fl-uffiċċju u aktar ħin fost in-nies biex ikun jista’ jisma’ r-realtajiet tagħahom u jifhem kif għad fadal eluf li huma prattikament fil-faqar. Bl-istess mod, għall-Festa ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Partit Nazzjonalista għażel li jorganizza attività li fiha jifhem il-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom.

Adrian Delia sostna li wasal iż-żmien fejn iż-żewġ partiti ma jibqgħux jippjanaw għal erba’ jew ħames snin biss għax ma jistgħux jibqgħu jaħsbu sal-elezzjoni li tkun ġejja. Minflok irid isir pjan aktar fit-tul. Bl-istess mod, għandna naraw li l-pajjiż jinvesti f’setturi fejn il-Maltin, l-Għawdxin u anke l-barranin fostna jaħdmu f’ambjent san flimkien.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif il-Partit Laburista għamel Konferenza Ġenerali bit-tema “Malta Għada”, iżda tkellem biss fuq dak li sar s’issa. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jrid jixpruna lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna ħalli jibdew joħolqu l-futur tagħhom u tal-pajjiż.

Mistoqsi dwar il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li hu jemmen fil-prinċipju li m’hemm ħadd akbar mill-Partit. U għalkemm dejjem kien hemm ideat differenti, fl-aħħar mill-aħħar, il-Partit għandu joħroġ b’messaġġ wieħed. Min-naħa l-oħra, kull persuna għandha tagħmel l-għażliet tagħha biex tiddeċiedi jekk tridx taħdem għall-interessi tal-Partit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif il-bejgħ tal-Passaporti qed jintuża’ daqslikieku xi fond għall-elezzjoni – l-ewwel għall-karità u issa għall-Housing Soċjali. U għalkemm il-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur li jgħin lil dawk bil-problemi tal-Housing Soċjali, ma jistax iħalli lilll-Gvern imexxi l-finanzi b’dan il-mod ta’ bla pjan.

Sadanittant, mistoqsi dwar il-kritika fil-konfront tiegħu dwar il-kwistjonijiet personali tat-taxxa, Adrian Delia fakkar kif kien hu stess li żvela li kellu din il-kwistjoni pendenti, li issa ġiet iċċarata għalkollox. Fl-istess waqt, appella biex bħalma wiegħed li se jagħmel hu stess, kull politiku għandu jagħti rendikont finanzjarju fi tmiem il-karriera politika tiegħu.