Fleur De Lys Royal Panda huma r-rebbieħa tal-kampjonat lokali tal-volleyball wara li għelbu lil Balzan Flyers 3-2 f’logħba deċiżiva wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw b’punti indaqs fil-kampjonat. Dan kien ir-raba’ unur li rebħu Fleur De Lys Royal Panda dan l-istaġun wara li rebħu s-Super Cup, il-John Bugeja Cup u l-Christmas Cup.
Quddiem attendenza tajba fil-Kumpless Sportiv ta’ Cottonera, Balzan Flyers immexxija mil-kowċ Serb Muncin, rebħu l-ewwel set 27-25 wara li rnexxielhom jirbħu żewġ punti konsekuttivi fuq services ta’ Dworniczak.
Fit-tieni set Fleur de Lys Royal Panda naqqsu l-iżbalji tagħhom u irnexxielhom iżommu l-vantaġġ inizjali b’services tajbin ta’ El Gasi u block tajjeb ta’ Sebok biex rebħu s-set 25-15. Fit-tielet set Fleur De Lys Royal Panda bnew vantaġġ tajjeb imma Balzan Flyers b’attakki ta’ Malasevska irnexxielhom idawru dan is-set favur tagħhom biex marru 2-1 minn fuq.
Fleur De Lys Royal Panda immexxija mill-kowċ Silvan Gauci rebħu r-raba’ set 25-22 b’attakki tajbin minn Grech u Gatt biex kellu jkun il-ħames set li jiddeċiedi r-rebħ tal-logħba u tal-kampjonat. Fl-aħħar set Fleur de Lys Royal Panda kienu superjuri u b’difiża impekkabbli ta’ Polato u b’attakki ta’ Sarcina u Xuereb għalqu l-logħba 15-9 biex saru r-rebbieħa l-ġodda tal-kampjonat Malti.
Il-logħba kienet ikkontrollata minn Nello Calleja, mgħejjun minn Mark Soler. Wara l-logħba l-President tal-Malta Volleyball Association Jesmond Saliba ppreżenta t-trofew lil Maria Costa, captain ta’ Fleur De Lys Royal Panda.
//= $special ?>