Id-29 t’April hija ġurnata għażiża għas-Soċjetà Filarmonika Leone għaliex propju tfakkar meta 62 sena ilu rregalat l-istatwa artistika ta’ Santa Marija lill-Parroċċa tal-Katidral t’Għawdex biex issir il-Vara Titulari tal-Katidral tal-Assunta. Din il-vara, li nħadmet ġewwa Ruma mill-fabbrika ta’ Francesco Rosa fl-1897, kienet inġiebet Għawdex mill-istess Soċjetà biex tintuża għad-dimostrazzjoni li kienet tagħmel fil-festa tal-Assunta.
Il-Ħadd filgħodu, il-Banda Ċittadina Leone u l-Aurora Youth Choir, immexxijin mis-Surmast Direttur Colin Attard, animaw quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr għal din l-għotja fil-Katidral tal-Assunta, ir-Rabat Għawdex, immexxija mill-Arċipriet Mons. Joseph Sultana u mgħejun mill-Presbiteru Parrokkjali. Huwa fakkar kif bl-għaraq ta’ ħidmet il-membri tas-Soċjetà Filarmonika Leone fis-snin 50, il-Katidral stagħna meta laqa’ x-xbieha ta’ Santa Marija fl-1956 u l-komunità parrokkjali tal-Katidral ħadet il-ħajja b’din l-isbaħ ġojjel tiegħu.
Il-quddiesa ntemmet bit-tqegħid tal-fjuri u x-xemgħat f’riġlejn il-vara ta’ Santa Marija mid-diversi tfal preżenti flimkien mal-President u s-Segretarju tas-Soċjetà.
Bosta Maltin u barranin jerħulha lejn Għawdex biex ifakkru l-15 t’Awwissu mar-Rabtin u jgħixu l-mumenti speċjali ta’ din il-festa, partikolarment il-ħruġ u d-dħul tal-Purċissjoni tal-Festa tal-Assunta.
//= $special ?>