Lokali Parlament

Id-dritt tal-ħajja hu l-akbar dritt fundamentali…il-parlament se jiddeċiedi min jgħix u min ikun iffriżat

– Hermann Schiavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone qal li d-dritt tal-ħajja hu l-akbar dritt fundamentali; il-parlament se jiddeċiedi min jgħix u min ikun iffriżat. Embrijun hu bniedem u mhux tmien ċelloli biss.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-IVF Hermann Schaivone qal li l-ħajja tibda mill-konċepiment. Jidher li kollox hu deċiż għaliex il-gvern lanqas irid jisma’ lin-nies mill-kamp tiegħu stess. Il-PN hu favur għajnuna lil koppji bi problemi ta’ infertilità; wara kollox kien gvern Nazzjonalista li ntroduċa l-liġi tal-IVF.

Hu kompla li l-Prim Ministru ma semmiex id-drittijiet tal-embrijuni u l-persuni li jkunu għadhom fi stat embrijoniku.

Id-deputat Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li t-tarbija fil-ġuf tkun dejjem protetta għaliex din hi ħajja. Hu qal li hawn dittatorjat tal-ħsieb fejn il-Prim Ministru jgħajjar ipokrita lil min għandu ħsieb differenti minn tiegħu. Dan mhux l-aqwa żmien għad-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni.

Hu staqsa kemm huma liberi d-deputati Laburisti fl-għażla libera tagħhom. Dawn ma jistgħux jitkellmu għax tpoġġitilhom sarima mal-kuxjenza tagħhom. Kien il-Prim Ministru u erba’ madwaru li ddeċidew weħidhom bla opportunità lill-oħrajn jitkellmu.

Hermnan Schiavone kompla li l-Prim Ministru għandu jaċċetta l-appell tal-President, ta’ George Veella u ta’ Deborah Schembri biex iwaqqaf id-dibattitu, jibda konsultazzjoni serja u jsir studju xjentifiku. Hu staqsa fejn huma d-drittijiet tal-embrijun u qal li d-dinjità tal-embrijuni għandha titħares. Il-bniedem m’għandu qatt ikun oġġett tar-rieda ta’ ħaddieħor. L-embrjuni għandhom dinjità umana, m’humiex ċelloli kwlaunkwe u għandhom drittijiet bħal tal-bniedem.

L-iffriżar qed ikun introdott minħabba l-adulti u mhux biex jipproteġi lill-embrijuni. L-iffriżar ifisser li qed nitrattaw lilll-embrijuni bħala oġġetti sakmem l-adulti jiddeċiedi. Hemm riskju li l-embrijuni jsiru komoditajiet. L-embrijuni m’humiex oġġetti iżda persuni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm ġenituri li jitilfu l-interess f’uliedhom iffriżati. Fil-liġi Maltija, l-Awtorità ma tatix il-garanziji meħtieġa. Hu sostna li bid-donazzjoni anomina tal-gameti, it-tfal se jiċċaħħdu milli jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom jew jistgħu jitwieldu tfal minn ġenituri mejtin.

Dwar is-surrogazzjoni altruwista, Hermann Schiavone qal li l-alturwiżmu veru hu meta jkun hemm kunsiderazzjoni lejn il-persuna konċeputa. Ir-rabta mal-omm tikber meta t-tarbija tibda tikber fil-ġuf.

Din hi kriżi politika fl-għeruq tagħha, sostna Hermann Schiavone, li kompla li d-deputati jridu jiddeċiedu jekk iridux li jkun hawn eluf ta’ umani iffriżati jew tfal li ma jafux min hu missierhom. Id-deċiżjoni għandha ssir skont il-kuxjenza, sostna Herman Schiavone.

Hermann Schiavone kkundanna kull attakk li jsir fuq kollegi deputati u espriema solidarjetà mad-deputat Julia Farrugia Portelli.