Lokali

Il-bdoti jinsistu li “l-ALPA kellha raġun” u jirtiraw l-azzjonijiet

Appell biex ikun hemm rieda tajba mill-Air Malta

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-Air Malta (ALPA) fis-sigħat li għaddew rċeviet informazzjoni li s-sistema biex jitħassru recordings mill-Cockpit Voice Recorder tal-ajruplan 9H-AHS ġiet installata mill-Air Malta. Il-pjan għal dan it-titjib ilu li tfassal numru ta’ ġranet ilu.

Fil-fatt l-Aġent CEO tal-Air Malta Joe Galea ikkonferma dan kollu fil-minuti li għaddew direttament lill-membri tal-ALPA wara li dawn ħadu l-inizzjattiva li jċemplulu biex jistaqsuh jekk dak li semgħu kienx minnu.

L-ALPA ma ġietx infurmata mill-Air Malta li kienet qed issir din l-upgrade fuq l-ajruplan in kwistjoni u li kieku kienet infurmata qabel kieku l-affarijiet ma kienux jeskalaw sa fejn eskalaw.

L-ALPA fi stqarrija aċċennat għall-fatt li fl-aħħar laqgħa li kellha mal-Air Malta u li fiha ġew mitmuma bla suċċess d-diskussjonijiet bejn l-ALPA u l-Air Malta fuq dan il-punt, fejn l-Air Malta infurmathom li biex tinstalla din is-sistema kellhom jistennew seba’ xhur. Flok seba’ xhur, din l-installazzjoni qas ħadet ġimgħa.

Fuq kollox, l-ALPA innotat b’sodisfazzjon li dak li kienet qed tisħaq fil-laqgħat u dak li ġie kontradett mill-Air Malta fil-pubbliku, issa sar u li għalhekk huwa evidenti li l-ALPA kellha raġun.

“Fi kwalunkwe każ, la din il-kwisjtoni ġiet riżolta, l-ALPA qegħdha b’effett immedjat tirtira l-azzjoni industrijali dwar dan il-każ u tawgura li fil-futur l-Air Malta turi ferm aktar trasparenza u rieda tajba milli uriet f’dan il-każ”.

Dan qed jingħad ukoll anki fid-dawl tal-fatt li kuntrarjament għal dak li qalet l-Air Malta
fil-pubbliku, d-dewmien ta’ disa’ siegħat fit-titjiriet lejn Catania tal-Ġimgħa 27 t’April ma kienx riżultat tal-azzjoni industrijali tal-ALPA iżda kien minħabba l-fatt li l-ajurplan ġdid li ġabet l-AirMalta żviluppatlu ħsara teknika ta’ natura serja tant li l-ajurplan dar lura lejn Malta u d-dewmien kien dovut għall-ħin li dam biex issewwa.