Lokali Parlament

Il-Gvern irid li d-diskussjoni dwar l-IVF tintemm fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li ġej

Seduti Parlamentari itwal illejla u nhar it-Tnejn li ġej

Il-Gvern irid li d-diskussjoni dwar it-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni tintemm fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li ġej bil-vot fuq it-tieni qari mistenni jittieħed fit-23 ta’ Mejju. Il-Gvern irid ukoll li, wara li tgħaddi għal stadju ta’ kumitat, din il-liġi tingħalaq mill-istadji kollha sa meta l-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf fl-4 ta’ Lulju jew f’data li jaqblu fuqha ż-żewġ naħat tal-kamra.

Dan ħareġ minn dikjarazzjonijiet li qalu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Whip tal-Gvern Byron Camilleri waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar ix-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ nhar l-Erbgħa filgħaxija.

Sabiex id-diskussjoni dwar it-tieni qari tal-abbozz tkun tista’ tingħalaq nhar it-Tlieta li ġej, il-Parlament se jkun qed jiltaqa’ f’żewġ seduti itwal mis-soltu llum l-Erbgħa u nhar it-Tnejn li ġej biż-żewġ seduti jdumu bejn l-4.00pm u d-9.30pm.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel referenza għall-komunikat tal-President Marie Louise Coleiro Preca dwar dan l-abbozz. Huwa qal li d-dibattitu dwar dan l-abbozz diġà huwa wieħed wiesgħa iżda qal li biex id-diskussjoni tkompli titwessa’ d-diskussjoni fi stadju ta’ kumitat se ssir fil-plenarja f’ħin differenti mix-xogħol normali tal-kamra.

Matul l-istess laqgħa ntlaħaq qbil li jsiru żewġ seduti speċjali – seduta nhar il-Ħamis 24 ta’ Mejju ddedikata għax-xogħol tal-Gvern, u oħra l-Ħamis 31 ta’ Mejju ddedikata għax-xogħol tal-Oppożizzjoni.