Lokali Parlament

Il-Gvern mhux jiddikjara li jemmen fil-ħajja tal-embrijun

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar iddikjara li, kontrarjament għad-deputati Nazzjonalisti, id-deputati tal-Gvern qed jibqgħu lura milli jiddikjaraw li huma jemmnu li l-embrijun hu uman u għandu l-ħajja.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-IVF Robert Cutajar tkellem dwar l-importanza tad-drittijiet tat-tfal u qal li d-dikjarazzjoni ta’ kelliema tal-Gvern li l-embrijun mhux ħajja uman huma xokkanti. Dawn huma dikjarazzjonijiet li ma jagħmlux ġieħ lil min qallhom u anki lil min għalaq widnejh għalihom. Il-valuri ta’ missirijietna għandhom ikunu rispettati għaliex dawn iddistingwew lill-poplu Malti minn popli oħra. Hu qal li l-PN kien dejjem konsistenzi fuq il-valur tal-ħajja.

Robert Cutajar qal li l-Prim Ministru sostna li l-prinċipji huma d-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u qal li l-Prim Ministru jista’ jibqa’ mniżżel fl-istorja li kien il-mexxej ta’ gvern li kisser il-valuri. Il-PL għad irid jitkellem dwar id-drittijiet tat-tfal anzi fil-Gvern Laburista hemm min qed jitkellem b’mod li ma jirriflettix il-kuxjenza tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista semma l-għaqdiet, il-Knisja, il-Professur Andrew Azzopardi, l-ex deputati Laburisti George Vella u Deborah Schembri, il-President ta’ Malta u xjentisti li kollha tkellmu favur il-ħajja u kontra din il-liġi. Il-PN jemmen li m’għandux ikun hemm kompromessi mal-valuri tal-ħajja għax din tibda mill-konċepiment. Il-Gvern qed jgħaddi ż-żmien bil-President ta’ Malta li offriet li tkun medjatriċi bejn il-partijiet. Il-Gvern m’għandux jibqa’ jintimida l-intelliġenza tan-nies.

Dwar is-surrogazzjoni, Robert Cutajar qal li f’Marzu 2016 l-Assemblea tal-Parlament Ewropew ivvotat kontra dokument li tressaq dwar is-surrogazzjoni. Hu staqsa min kien qed jirrappreżenta lil Malta dakinhar u appella lid-deputat Laburista Rosianne Cutajar biex, f’dak il-foum, tiddikjara li fl-embrijun m’hemmx ħajja.

Fuq punt ta’ spjegazzjoni id-deputat Laburista Rosianne Cutajar iddikjarat li għaliha l-embrijun mhux bniedem.

Robert Cutajar qal li id-deputat Laburista Rosianne Cutajar m’għandiex titkellem f’isem il-poplu Malti b’dak il-mod. Hu qal li l-PL ma daħħalx is-surrogazzjoni fil-programm elettorali u għalhekk m’għanudx mandat biex idaħħalha fil-pajjiż.

Robert Cutajar espriema diżappunt għall-mod kif il-Kummissarju tat-Tfal marret mal-Gvern tfaħħar dan l-abbozz. Il-pożizzjoni tagħha llum hi tenibbli? staqsa Robert Cutajar, li kompla li l-PN hu differenti mill-PL għax jemmen fil-valuri u fid-drittijiet tat-tfal. Hu sostna li hu favur il-ħajja mill-konċepiment u appella lid-deputati Laburisti biex ma jiddejqux jitkellmu favur il-ħajja.