Lokali

L-aħħar ftit jiem biex titgħallem tagħmel taħżiża aħjar

Kors organizzat miż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ. Programm ta' kitba mill-Aġenżija Żgħażagħ u l-Għaqda tal-Malti.

Tafu lil xi żgħażagħ li jiktbu iżda li għadhom ma sabux l-opportunità ideali għalihom? Jew forsi inti stess tħobb tħażżeż xi żewġ versi imma toqgħod lura għax tibża’ minn xi żbalji bażiċi? TAĦŻIŻ6 huwa l-programm għalihom, programm ta’ kitba kreattiva li qed jinfetaħ għas-sitt edizzjoni tiegħu. Dan il-programm iħarreġ żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena fil-kreattività tal-kitba. Is-sejħa għal din l-edizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2018.

TAĦŻIŻ6 se jkun imqassam f’seminars ta’ nofstanhar fix-xahar u seminar wieħed residenzjali, b’pubblikazzjoni u ċertifikat li jingħataw fi tnedija li tittella’ fl-aħħar. Matul il-programm se jkun hemm ukoll xi workshops miftuħa għall-pubbliku. Il-parteċipazzjoni hi b’xejn, imma jintalab depożitu żgħir li jingħata lura meta l-programm ikun komplut b’suċċess.

Dawk iż-żgħażagħ interessati għandhom jibagħtu lil agenzija.zghazagh@gov.mt. L-applikanti għandhom jibagħtu d-dettalji personali (isem u kunjom; data tat-twelid; indirizz postali u elettroniku; u n-numru tal-mowbajl), kif ukoll dawn li ġejjin:

− interessi oħra minbarra l-kitba;
− ittra ta’ introduzzjoni u motivazzjoni;
− CV f’forma ta’ storja qasira ta’ 150 kelma;
− fotokopja tal-karta tal-ID (quddiem u wara); u
− poeżija jew storja qasira miktuba riċentament.

L-għażla finali tal-parteċipanti se tkun fid-diskrezzjoni tal-bord li jevalwa l-applikazzjonijiet. ’Il quddiem ikun hemm ukoll laqgħa introduttorja. Dan il-programm huwa miftuħ ukoll għal min diġà attenda, iżda tingħata prijorità lil min għadu ma ħax sehem.

Taħżiż huwa programm ta’ empowerment tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn hawn: www.facebook.com/events/205306096726574