Futbol Sport

Liverpool fil-finali tal-UEFA Champions League wara 11-il sena

Il-plejers ta' Liverpool li bdew il-logħba (Ritratt: EPA)
Jikkwalifikaw minkejja li tilfu f'Ruma

ROMA…………..4

LIVERPOOL…..2

(Liverpool jgħaddu b’agg. ta’ 7-6)

Liverpool jinsabu fil-finali tal-UEFA Champions League għall-ewwel darba mill-2007 wara li eliminaw lil Roma b’total ta’ 7-6 fuq iż-żewġ logħbiet. It-tim Ingliż ħa miegħu Ruma vantaġġ tajjeb ta’ 5-2 li kkundizzjona l-logħba minħabba li Roma riedu jiġru wara r-riżultat.

Roma daħlu jistrieħu 2-1 minn taħt, żewġ gowls li inċidentalment kienu l-uniċi li sofrew f’darhom f’dan l-istaġun fiċ-Champions League. Fit-tieni taqsima rnexxielhom jdawru r-riżultat biex tal-anqas rebħu quddiem folla numeruża fi Stadio Olimpico. Din kienet ukoll l-ewwel telfa f’din il-kompetizzjoni għal Liverpool.

Liverpool fetħu l-iskor wara disa’ minuti meta Radja Nainggolan żbalja passaġġ f’nofs il-grawnd li wassal għal kontrattakk. Roberto Firmino avvanza u qassam lejn Sadio MANE li fuq ix-xellug ma kellux problema biex jegħleb lil Alisson.

Roma wettqu reazzjoni u ġabu d-draw b’gowl pjuttost fortunat. Kien kross mil-lemin lejn Stephan El Shaarawy li niżżel bir-ras għan-nofs fejn ma kien hemm ħadd minn sħabu. Dejan Lovren ixxuttja biex ibiegħed il-periklu iżda l-ballun ħabat ma’ wiċċ James Milner u spiċċa biex għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess.

It-tim ta’ Klopp għamel l-aggregate parzjali 7-3 fis-26 minuta b’gowl ieħor regalat meta minn korner, Edin Dzeko rebaħ dwell bir-ras, iżda l-ballun spiċċa lura għand Georginio WIJNALDUM li minn quddiem Alisson ma żbaljax mill-viċin.

Roma resqu qrib li jġibu d-draw fil-35 minuta, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ El Shaarawy li kien imxellef minn Milner u ħabat mal-wieqfa. Seba’ minuti wara, Florenzi xxutja barra minn qagħda ideali fil-kaxxa.

It-tim Taljan reġa’ ġab id-draw fit-52 minuta b’Edin DZEKO jiskorja minn rebound f’pożizzjoni regolari wara li Karius naqas li jżomm xutt mix-xellug ta’ El Shaarawy.

Roma għal ftit ma marrux minn fuq fit-63 minuta b’xutt ta’ El Shaarawy li kien imxellef minn idejn Trent Alexander-Arnold, bir-referee ma jordnax penalty.

It-tim ta’ Di Francesco mar fil-vantaġġ fis-86 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Radja NAINGGOLAN li għeleb lil Karius, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jidħol fix-xibka. Roma saħansitra għamluhom 4-2 fit-93 minuta minn penalty b’saħħtu ta’ Radja NAINGGOLAN iżda ma kienx fadal ħin biex isalvaw il-logħba.