Basketball Sport

Mistenni bilanċ fil-finali għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni bejn Hibernians u Gżira Athleta

Il-Kanadiż ta' Hibernians Chad Patus (xellug) u l-Amerikan ta' Gżira Athleta Jon Feiler bit-trofew tal-kampjonat
Il-finali tal-play-offs jintlagħbu fuq l-aqwa minn ħames logħbiet

Il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni jinsab fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif il-Ħadd li ġej tintlagħab l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ ħamsa għar-rebħ tal-kampjonat.

Id-dilettanti lokali tal-Basketball qed jistennew finali mistennija fejn saħansitra l-President tal-MBA Paul Sultana qed jipprevedi li l-finali tkun deċiża fil-ħames u l-aħħar logħba.

Hibernians se jkollhom motivazzjoni żejda għal din il-finali għaliex qed ifittxu l-ewwel kampjonat mill-1990. Il-Pawlisti sa issa rebħu l-BOV Knock-out, it-Tazza Louis Borg u s-St. James Hospital Shield, xi ħaġa li ma waslitx kumbinazzjoni.

Is-Segretarja tal-klabb Nadia Vella qalet li mill-istaġun li għadda reġgħu nvestew biex ikunu kompetittivi fit-tim tal-irġiel u qalet li jinsabu sodisfatti li issa jinsabu b’ċans li jirbħu l-kampjonat.

Gżira Athleta rebħu erbgħa mis-sitt logħbiet li lagħbu dan l-istaġun kontra Hibernians, iżda l-kowċ tagħhom Ray Muscat wissa lit-tim tiegħu biex ikunu attenti għaliex saħaq li “x’għamilna qabel ma jgħodd xejn.”

Muscat fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Athleta, qal li ried jgħaqqad it-tim b’integrazzjoni ta’ plejers żgħażagħ ma’ dawk ta’ esperjenza. Minkejja li spiċċaw fl-ewwel post, Muscat jemmen li l-finali tal-play-offs tintrebaħ minn dak it-tim li jkun fiżikament u mentalment b’saħħtu.

Minkejja li qed jilgħab fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna, l-Amerikan ta’ Gżira Athleta Jon Feiler għandu esperjenza f’dawn it-tim ta’ play-offs, hekk kif lagħab dawn it-tip ta’ logħob fil-kulleġġ li kien jattendi fih fl-Istati Uniti. Mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Feiler saħaq li l-attenzjoni bħalissa tinsab fuq il-finali.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Chad Patus li ilu f’pajjiżna għal diversi snin u lagħab f’diversi play-offs għar-rebħ tal-kampjonat. Il-Kanadiż qal li t-tim kiber ħafna matul l-istaġun u bħalissa qed jilagħbu basketball tajjeb.

Fattur pożittiv hu li fiż-żewġ timijiet finalisti hemm numru sabiħ ta’ żgħażagħ Maltin li sabu post fit-timijiet tagħhom, bil-President tal-MBA jgħid li dan jawgura tajjeb għal futur.

Preżenti wkoll kien hemm l-Uffiċjal Kap tal-BOV Peter Perotti li wera t-tama li jiżdiedu aktar timijiet biex il-kampjonat ikun interessanti, fejn sostna wkoll li l-fatt li se jkun hemm tliet barranin f’kull tim, jibqa’ jgħin fl-iżvilupp tal-logħba.

Il-ħames logħbiet tal-play-offs

1. Il-Ħadd 6 ta’ Mejju    4.15pm

2. L-Erbgħa 9 ta’ Mejju 6.30pm

3. Il-Ħadd 13 ta’ Mejju    4.15pm

4. L-Erbgħa 16 ta’ Mejju  7.30pm

5. Il-Ħadd 20 ta’ Mejju  4.15pm