Lokali

Nuqqas ta’ voluntiera u fondi għall-annimali abbandunati

Klieb abbandunati se jingħataw id-dinjità li jistħoqilhom … iżda din ma tistax ssir realtà hekk kif hemm nuqqas kbir ta’ fondi.

B’dispjaċir, Rosalind Aguis mill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati qalet ma’ Net News li għalkemm għandhom art ideali f’Birżebbuġa fejn il-klieb ikunu jistgħu jgħixu sakemm xi ħadd jaddottahom, m’hemmx flus biex ikunu jistgħu jibnu l-post. Dan hekk kif l-iktar ħaġa sempliċi, bħal xkaffa, kapaċi tiġi spiża ta’ eluf ta’ ewro.

Il-post se jkun jesa bejn 80 u 100 kelb u se jkollhom kwarantina, spiżerija, kamra fejn jinħaslu, kċina, post barra u ġewwa fejn ikunu jistgħu jilgħabu u kmamar fejn jinżammu. Il-bini baqalu diversi xogħol biex ikun lest, fosthom xogħol ta’ dawl u l-għamara.

Rosalind qalet li mhux qed ikun hemm rispons mixtieq għat-talba tal-għajnuna biex il-klieb ikunu jistgħu jgħixu ħajja tajba. L-unika għajuna li qed jirċievu huwa minn charity shop li għandhom fil-Ħamrun. Madanakollu, dan żgur mhux biżżejjed.

Problema oħra li l-assoċjazzjoni qed issib hija n-nuqqas kbir ta’ voluntiera. Rosalind stqarret magħna li ġieli jkun hemm biss voluntier wieħed jew waħda jieħdu ħsieb dawk il-klieb kollha fis-santwarju.

B’appell wieħed, Rosalind ħeġġet biex flok wieħed jixtri, imur fis-santwarju tagħhom u jaddotta l-klieb ta’ kull età li għandhom. Bħalissa flok 20 telefonata kuljum ta’ interess biex wieħed jaddotta, qed ikun hemm 20 telefonata biex jintremew il-klieb.

In-nies huma mħeġġa li jgħinu kemm b’mod volontarju, u finanzjarju, filwaqt li l-kumpaniji jistgħu jgħatu donazzjoni ta’ 1000 ewro u jitnaqqax l-isem fis-santwarju l-ġdid.

Ritratti: Timo Turpeinen