Formula 1 Sport

Possibbiltà li Miami torganizza Grand Prix is-sena d-dieħla

L-Istati Uniti jista’ jkollha Grand Prix f’Miami fl-2019 wara proposta li tħabbret mill-Formula 1. Liberty Media li ħadet kontroll tal-Formula 1 lejn tmiem l-2016, tkellmet diversi drabi dwar ix-xewqa li jżidu l-Istati Uniti fil-kalendarju bħala wieħed mill-bliet ta’ destinazzjoni, u preżentaw proposta dettaljata għal tiġrija fit-triq f’Miami l-istaġun li ġej.

Il-vot fil-Kummissjoni tal-Belt ta’ Miami se jittieħed fl-10 ta’ Mejju, fejn se jkun deċiż jekk imexxux bil-pjanijiet, b’kuntratt multi-miljunarju sal-2028. Bħalissa l-uniku belt Amerikana li qed torganizza tiġrija hi Austin.

“Aħna napprezzaw l-interess tal-komunità ta’ Miami biex tospita tiġrija tal-Formula 1 u qed inħarsu ‘l quddiem biex naħdmu mal-uffiċjali lokali u dawk involuti biex inwasslu din il-viżjoni għar-realtà. B’aktar minn nofs biljun partitarju madwar id-dinja, Miami hi d-destinazzjoni perfetta għal Formula 1 minħabba l-istatus li għandha bħala waħda mill-bliet ikoni u l-infrastruttura turistika tagħha,” qal il-Kap Kummerċjali tal-F1 Sean Bratches.

Las Vegas, New York u Los Angeles kollha kienu potenzjalment fil-mira mis-sidien Amerikani. Jekk iseħħ, l-avveniment f’Miami ikun l-ewwel żieda uffiċjali fil-kalendarju minn meta Liberty Media ħadu t-tmexxija minn Bernie Ecclestone. Rapport ta’ Miami New Times qal li t-tiġrija ssir f’Ottubru tal-2019.