L-għada li l-poplu Malti fakkar l-14-il anniversarju minn meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, u l-benefiċċji li għadna ngawdu minnhom sal-lum grazzi għal din is-sħubija, tħabbar investiment ta’ miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej biex il-Palazz tal-President ikun restawrat u jingħata lura l-glorja li tixraqlu.
Il-proġett tħabbar miċ-Chairman ta’ Heritage Malta Joseph Buttigieg, fil-preżenza ta’ tliet membri tal-Kabinett.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet sar magħruf li l-proġett se jsir b’investiment ta’ 10 miljun ewro, li 80 fil-mija minnhom huma fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea, u mistenni jdum erba’ snin biex jitlesta.
Il-proġett, li se jsir taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta u b’ħidmet membri mid-Dipartiment tar-Restawr, se jinkludi xogħolijiet fl-istruttura tal-Palazz, li jridu jsiru mill-qigħ. B’hekk il-Palazz jitreġġa lura għal kif oriġinarjament ħallewulna l-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Filwaqt li kien spjegat li partijiet mill-proġett diġà nbdew, ingħad li l-Armerija ttieħdet lura fil-post oriġinali – is-Sala li għal għexieren ta’ snin laqgħet fi ħdanha l-Parlament.
Dwar dan, kienet innutata pożittivament id-deċiżjoni meħuda minn Gvern Nazzjonalista li l-Parlament inħareġ mill-Palazz biex issa għandu binja ddedikata totalment għalih. Madankollu, għad fadal numru ta’ Uffiċċji li għadhom jużaw din il-binja, fosthom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-proġett ta’ restawr mistenni jwassal ukoll biex il-poplu u l-eluf ta’ turisti li jżuru l-Palazz Presidenzjali jgawdu minn aktar materjal esebit, fosthom muniti u oġġetti oħra uniċi ta’ żmien il-Kavallieri.
Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet sar magħruf li l-Ħadd li ġej, il-poplu se jkun jista’ jgawdi minn Open Day biex jara xi xogħolijiet li diġà saru fil-Palazz, filwaqt li jieħu idea tal-ħidma li mistennija ssir f’dan il-proġett ta’ restawr.
//= $special ?>