Lokali

AĠĠORNATA: Raġel iweġġa’ wara li nqaleb bit-trakk fil-Miżbla tal-Magħtab

Il-Wasteserv tesprimi solidarjeta' mal-ħaddiem li weġġa'

Raġel ta’ 66 sena mill-Mosta weġġa’ u ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura meta nqaleb bit-trakk li kien qed isuq fil-Miżbla tal-Magħtab. Il-każ seħħ ftit wara l-10am.

Dak il-ħin, ir-raġel kien qed iniżżel it-trakk b’lura meta għal xi raġuni, inqeleb għal fuq ġenb.

Sfortunatament, ir-raġel ma setax joħroġ mit-trakk u għalhekk, minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ ukoll tim mediku b’Ambulanza u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar għal aktar kura, iżda l-kundizzjoni tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant fi stqarrija l-Wasteserv ikkonfermat dan l-inċident u esprimiet solidarjeta’ max-xufier tat-trakk.