Futbol Sport

Ray “Żażu” Farrugia jinħatar kowċ nazzjonali Malti

Wara t-tneħħija ta’ Tom Saintfiet minn kowċ nazzjonali ġimgħa ilu, il-Malta Football Association ħabbret li Ray Żażu Farrugia nħatar bħala kowċ tat-tim nazzjonali. Farrugia kien l-assistent kowċ taħt Pietro Ghedin, u żamm din il-kariga mal-ħatra ta’ Saintfiet.

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kumitat Eżekuttiv u t-terminu ta’ tul fil-kuntratt tiegħu għadu jrid jiġi stabbilit wara diskussjoni bejn iż-żewġ partijiet.

Ir-rakkomandazzjoni saret mid-Direttur Tekniku Robert Gatt u l-Kumitat Eżekuttiv qabel mad-deċiżjoni.

Għaldaqstant hu mistenni li Farrugia jmexxi lit-tim nazzjonali għal-logħbiet ta’ ħbiberija li ġejjin ftit ġimgħat oħra, kif ukoll għas-sitt logħbiet tal-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League li se jintlagħbu bejn Settembru u Novembru li ġej.

Il-każ Tom Saintfiet

Darmanin Demajo tkellem ukoll dwar it-tkeċċija ta’ Tom Saintfiet fejn qal li l-Belġjan ma tax assikurazzjoni dwar il-fatt li ħarġu fil-media, u saħaq li kien sta għalih li jipprovdi biżżejjed evidenza, li hu ma pprovdix.

Il-każ ta’ Saintfiet feġġ wara li kien rappurtat fil-media li Saintfiet applika biex ikun il-kowċ nazzjonali tal-Kamerun. Dan wassal għal nuqqas ta’ fiduċja bejn iż-żewġ partijiet.

Il-President tal-MFA qal li ma hemmx dubju li hu kien fuq il-lista u saħaq li ħass li ngħata biżżejjed żmien biex jippreżenta evidenza li jiċħad dan il-fatt.

Darmanin Demajo ħass li kien hemm nuqqas ta’ fiduċja u għal benefiċċju taż-żewġ partijiet, qal li ttieħdu l-passi kollha biex jiġu ċċarati l-affarijiet.

Hu qal li l-kuntatt inizjali kien beda fiż-żmien li Pietro Ghedin u l-għan kien li Saintfiet ikollu xogħol aktar ‘hands-on’ fejn saħansitra kellu uffiċċju fl-MFA.

Sa issa l-MFA għadha ma rċeviet l-ebda ittra legali mingħand Saintfiet. Mistoqsi dwar jekk l-MFA hux se tħallas lil Saintfiet tal-kuntratt, il-President tal-MFA qal li ma għandu l-ebda problema jiltaqa’ ma’ Saintfiet biex negozjar tal-kuntratt tiegħu.