Internazzjonali

Se ssaħħaħ is-sigurtà fil-protesti li jsiru f’Pariġi

Xena mill-inkwiet li kien hemm Pariġi t-Tlieta.

Gérard Collomb, il-Ministru tal-Intern Franċiż, ħabbar li minn issa ’l quddiem kien se jibda jkun hemm preżenza aktar b’saħħitha ta’ pulizija f’Pariġi meta jsiru l-protesti. Dan wara li t-Tlieta, waqt il-protesti tal-Ewwel ta’ Mejju kien hemm inċidenti vjolenti bejn id-dimostranti u l-pulizija. Il-pulizija sparaw l-ilma lejn id-dimostranti biex jikkalmaw is-sitwazzjoni. Kienu arrestati 109 persuni f’dan l-inkwiet li fih tqabbdu xi ħwienet u karozzi. Issa din il-ġimgħa hu ppjanat li jkun hemm aktar dimostrazzjonijiet kontra r-riformi ekonomiċi li jrid iwettaq il-President Emmanuel Macron. L-awtoritajiet qalu li madwar 1,200 dimostrant – ħafna minnhom libsin l-iswed u ġejjin minn gruppi estremisti tax-xellug – qanqlu l-inkwiet waqt id-dimostrazzjonijiet li kien hemm għall-Ewwel ta’ Mejju fil-kapitali.