– Claudette Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li s-surrogazzjoni ġġib magħha problemi etiċi kbar.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-liġi tal-IVF Claudette Buttigieg qalet li mhux veru li fl-2012 daħal il-kunċett tal-iffriżar tal-embrijun kif inhu llum. Hi qalet li hi favur il-liġi eżistenti tal-IVF, li tipproteġi lill-embrijun. Claudette Buttigieg sostniet li hi kontra min jattakka lill-koppji li jkunu qed jieħdu l-proċess tal-IVF.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern qed juża din il-liġi u lill-persuni vulnerabbli f’dan il-muemnt meta qed joħroġu l-istejjer ta’ Daphne Project. Hi semmiet diversi dikjarazzjonijiet tad-deputat Laburista Rosianne Cutajar u tal-ex deputat Laburista Deborah Schembri li qalet li l-PL kien jaf il-pożizzjoni tagħha qabel issieħbet fil-partit.
L-aktar affarijiet li kienu jdejquha lil Deborah Schembri kienu s-surogazzjoni, l-abort u l-iffriżar tal-embrijun u li hi ddikjarat li ma taqbilx magħhom minħabba li l-kwistjonijiet etiċi ma kinux diskussi sew. Deborah Schembri spjegat perfattament il-pożizzjoni dwar l-iffriżar tal-embrijun u li dan mhux jingħata l-protezzjoni meħtieġa. Hi kienet trattat ukoll il-kwistjonijiet etiċi.
Fl-ebda mument fil-liġi m’hemm il-garanziji meħtieġa dwar l-adozzjoni waqt li hemm diskriminazzjoni li se twassal biex inqas nies jaddottaw embrijun għaliex jista’ jkun hemm embrijuni iktar mit-talbiet rikjesti. Problema oħra se tkun li se jingħażlu l-embrijuni li se jingħataw l-opportunità li jgħixu.
Claudette Buttigieg staqsiet għaliex il-koppji għandhom jaddottaw meta jistgħu ikunu involuti ġenetikament fit-tarbija u meta l-embrijuni huma bl-inqas ċans li jsalvaw.
Dwar is-surrogazzjoni, Claudette Buttigieg qalet li din hi xi ħaġa altruwista iżda hemm problemi etiċi kbar fiha. Hemm rabta intrinsika ħafna bejn it-tarbija u l-omm u għalhekk hemm sitwazzjoni perikoluża ħafna għax it-tfal m’humiex oġġetti, komoditajiet jew suġġett ta’ kuntratti.
Claudette Buttigieg qalet li l-liġi qed titbiddel u kif issostni Deborah Schnebri, il-gvern m’għandux il-mandat meħtieġ.
//= $special ?>