Futbol Sport

EUROPA LEAGUE: Finali bejn Atletico Madrid u Marseille

Atletico Madrid u Marseille se jikkontestaw il-finali tal-Europa League fis-16 ta’ Mejju li ġej fil-belt ta’ Lyon fi Franza. Dan wara li fis-semifinali eliminaw lil Arsenal u Salzburg rispettivament.

Fi Spanja Atletico Madrid ikkwalifikaw għall-finali wara li għelbu lil Arsenal 1-0 biex għaddew b’aggregate ta’ 2-1 wara li ġimgħa qabel kienu kisbu draw ta’ 1-1.

L-uniku gowl tal-partita wasal eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima u kien Diego COSTA li sab ix-xibka. Ta’ min jinnota li wara biss tmien minuti d-difensur ta’ Arsenal, il-Franċiż Laurent Koscielny weġġa’ serjament u jidher li se jitlef anke t-Tazza tad-Dinja.

Għal Atletico din se tkun il-ħames finali f’kompetizzjoni Ewropea f’dawn l-aħħar 9 staġuni. Barra minn hekk il-finali tas-16 ta’ Mejju se tkun it-tielet waħda ta’ Atletico f’din il-kompetizzjoni.

Fil-partita l-oħra fl-Awstrija, Salzburg, b’wirja qalbiena, rebħu 2-0 kontra Marseille sad-90 minuta biex sfurzaw il-ħin barrani wara li kienu tilfu l-ewwel leg bl-istess skor imma fallew fin-nofs siegħa logħob li kien fadal hekk kif sofrew gowl.

Fit-53 minuta kien HAIDARA li fetaħ l-iskor meta qabeż diversi difensuri u skurja b’xutt fil-baxx.
10 minuti wara kollox kompla ġej ħażin għal Marseille meta Sarr tefa’ l-ballun fix-xibka tat-tim tiegħu stess.

Bil-logħba tintemm 2-0 favur Salzburg din marret għal ħin barrani u kien fil-116-il minuta meta Marseille sabu x-xibka kontra x-xejra tal-logħob minn azzjoni ta’ corner.

Kien ROLANDO li għeleb lill-gowlkiper avversarju u prattikament poġġa lit-tim tiegħu fil-finali