Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

FUTBOL: It-trofew tat-Tazza tad-Dinja lura fir-Russja

F’dawn l-aħħar jiem, wara vjaġġ twil madwar sitt kontinenti, it-trofew tat-Tazza tad-Dinja wasal lura fir-Russja, il-pajjiż li matul ix-xahar li ġej se jkun qed jorganizza t-turnament.

It-trofew, li fi Frar kien anke f’pajjiżna, wasal fil-belt ta’ Vladivostok u issa jonqsu biss imur fi tmien bliet oħra bl-aħħar waħda tkun il-belt kapitali Moska fejn hemm ukoll, fil-15- ta’ Lulju, se tintlagħab il-finali.

Fost dawk li laqgħu t-trofew lura fir-Russja kien hemm l-ekschampion tad-dinja l-Brażiljan Gilberto Silva (lemin fir-ritratt).

Il-vjaġġ tat-trofew tat-Tazza tad-Dinja beda fit-22 ta’ Jannar u minn dakinhar ‘l hawn dar f’51 pajjiż. L-aħħar pajjiż li mar fih it-trofew kien dak tal-Ġappun.

Fl-10 ta’ Frar it-trofew kien f’Malta. It-trofew kien inġieb f’Malta bħala parti mill-‘FIFA World Cup Trophy Tour’ organizzat mill-kumpanija Cola Cola’.

L-avveniment kien parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed torganizza l-Fondazzjoni Valletta 2018 fl-okkażjoni li l-Belt Valletta se tkun il-Belt kapitali Ewropea tal-Kultura. Mill-ajruport it-trofew mar is-suq fil-Belt Valletta fejn hemm setgħu jieħdu ritratti miegħu mijiet ta’ partitarji tal-futbol li kienu qed jistennew dan l-avveniment b’ħerqa kbira.

Din hi-raba’ darba li kien organizzat dan it-tour tat-trofew tat-Tazza tad-Dinja madwar diversi pajjiżi imma għalina l-Maltin din kienet l-ewwel darba li rajna dan it-trofew fostna. Il-vjaġġ li għamel dan it-trofew li issa se jkun fir-Russja kien l-itwal vjaġġ li qatt għamel it-trfoew sa minn meta bdew jiġu organizzati dawn ‘it-Tours’.

L-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena se tibda fl-14 ta’ Ġunju u tintemm bil-finali li tintlagħab fil-15 ta’ Lulju.

L-aħħar tim li rebaħ il-kompetizzjoni kien dak tal-Ġermanja meta erba’ snin ilu dawn għelbu lill-Arġentina fil-finali li saret fil-Brażil.