Knisja Lokali

Il-beltin maħsuda bil-mewt ta’ Charles Grima

Il-funeral se jsir is-Sibt fis-2pm

Il-Belt Valletta tilfet personaġġ ieħor li ħadem ħafna fil-kapitali b’mod partikolari fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini u anke fil-purcissjoni tal-Ġimgha l-Kbira li toħroġ minn Ta’ Ġieżu – Charles Grima magħruf aħjar bħala l-Ambaxxatur.

Charles miet tard ilbieraħ wara nofsinhar, bl-aħbar iġġib mewġa ta’ messaġġi li fakkru l-memorja tiegħu.

L-Għaqda tal-Pawlini sellmet il-memorja tiegħu billi kitbet: “Charlie, kull Pawlin jirringrazzjak ta’ dak kollu li kont għall-komunità tagħna. Tajt ħafna bla ma kejjilt u kont hemm sabiex tara s-suċċess tal-ħidma tagħna.”

Charles kien parti mill-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini, kien reffiegħ f’San Pawl u aktar kien il-Prokuratur tal-vara meqjuma fl-istess parroċċa Beltija.

Il-funeral ta’ Charles se jsir is-Sibt, u jibda b’korteo fis-1pm minn ħdejn il-każin tal-La Vallette. Il-korteo bis-sehem tal-banda se jibqa’ sejjer sal-Kolleġjata ta’ San Pawl, b’quddiesa fis-2pm.