Internazzjonali

Jeskludi elezzjoni bikrija fl-Italja għalissa

Di Maio u Salvini

Hekk kif l-Italja għadha bla gvern wara l-elezzjoni ta’ Marzu, il-President Taljan Sergio Mattarella eskluda l-possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija f’Ġunju. It-Tnejn, Sergio Di Maio, il-mexxej tal-Moviment 5 Stelle (M5S) qal li ried li jkun hemm elezzjoni oħra. Dan wara li stqarr li l-isforzi kollha biex jiġi ffurmat gvern ġdid skont r-riżultat tal-elezzjoni ta’ Marzu kienu fallew. Fl-elezzjoni li saret fl-4 ta’ Marzu, l-alleanza taċ-ċentru-lemin immexxija mil-Lega ta’ Matteo Salvini rebħet l-akbar ammont ta’ siġġijiet u l-M5S rebaħ l-akbar ammont ta’ voti. Biss, it-tnejn li huma spiċċaw mingħajr maġġoranza li biha jistgħu jmexxu gvern stabbli. Il-Partit Demokratiku, li kien fil-Gvern qabel l-elezzjoni, spiċċa fit-tielet post. Sa issa saru erba’ fazijiet ta’ taħditiet – tnejn immexxijin minn Mattarella u tnejn mill-mexxejja taż-żewġ kmamar tal-Parlament – u kollha fallew. Sorsi qrib Mattarella qalu li hu issa qed jaħdem biex tal-anqas ikun hemm gvern biex ikun jista’ jgħaddi l-budget għall-2019. Dan irid isir sa Novembru. Salvini, ilbieraħ qal li hu kien lest jidħol f’taħditiet mal-M5S bl-iskop li jkun hemm riformi varji, fosthom dik elettorali. Dan biex f’vot ieħor ma jkunx hemm l-istaġnar li hemm bħalissa.