Knisja Lokali

Pjan biex jiġu restawrati erba’ pitturi tas-seklu 17

Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika ta’ San Ġiljan, magħrufa popolarment bħala ‘Ta’ Lapsi’, dalwaqt jibda proċess importanti li se jwassal għar-restawr tal-kwadri li jirrapreżentaw lill-erba’ Evanġelisti.

Dan hekk kif fl-aħħar 15-il sena ammont sostanzjali ta’ opri tal-arti u oġġetti liturġiċi ġew skoperti mill-ġdid, irrestawrati u issa qegħdin jiġu esebiti fil-knisja grazzi għall-ħidmet l-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi. Sar xogħol ukoll sabiex tnaddfu u ġew organizzati aħjar is-sagristija, l-arkivji u diversi kmamar annessi mal-knisja. Madankollu fadal ħafna u ħafna xogħol xi jsir.

Bħala parti mill-isforz sabiex jinġabru l-fondi neċessarji għar-restawr ta’ dawn il-kwadri, l-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi rċeviet l-għajnuna ta’ Dr John Vassallo u Dr Marianne Noll, residenti ta’ San Ġiljan.

Dr Vassallo u Dr Noll se joffru kunċert mir-Rotterdam Ensemble, immexxija minn Mro Roberto Beltran Zavala, nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju fit-8pm. Mal-Ensemble jingħaqdu l-mezzosopran lokali, Clare Ghigo, Jennifer Melville fuq l-obwe, u l-klarinettista Maltija, Jessica Ellul.

Wieħed jista’ jibgħat email fuq knisjalapsi@gmail.com jew iċempel fuq 79703139 sabiex jirriserva post.

Il-knisja ta’ Lapsi kienet traskurata għal diversi snin sakemm kienet qiegħda tinbena u titlesta l-Knisja Parrokkjali l-ġdida. Iżda issa, grazzi għall-ħidma tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, din il-knisja qed terġa’ tieħu l-ħajja.

Fi stqarrija intqal li wieħed mill-proġetti li qed jaħdmu fuqu bħalissa hu r-restawr u konservazzjoni ta’ erbgħa kwadri tal-bidu tas-Seklu XVII fit-tradizzjoni Barokka Naplitana, li jirraffiguraw l-Evanġelisti.

Dawn il-kwadri ħaqqhom li jiġu studjati u rrestawrati minn professjonisti. Il-kundizzjoni attwali tagħhom hija fqira għall-aħħar, b’dak li juri lil San Ġwann għandu bżonn ta’ intervent immedjat. Il-pitturi jinsabu fil-korsija tal-knisja.