Din hi parti mill-omelija ta’ Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, nhar is-Sibt 28 ta’ April fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl in-Nadur, fl-okkażjoni tal-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Giovann Tabone.
F’pajjiżna drajna ngħixu f’soċjetà li l-valuri tagħha kienu mkenna b’qafas ta’ liġijiet ċivili. Il-fatt li dan il-qafas legali qed jinħatt ma jfissirx li l-valuri għebu; imma l-ambjent soċjali qed joffrilna sfida akbar biex il-pakkett ta’ valuri li għandu jservina bħala boxxla għall-ħajja, ikun frott ta’ għażla matura u konvinta. Jekk dawn il-valuri ma jibqgħux miktuba fuq il-kodiċi tal-liġi ċivili, Alla xorta jibqa’ jnaqqaxhom fil-qlub tal-bnedmin. Għalhekk, dak li huwa assolutament meħtieġ hu li Alla ma jgħibx mix-xefaq. Għalkemm madwarna jidhru sinjali li jindikaw li s-soċjetà tagħna qed tagħlaq il-bieb lil Kristu, dan ma jfissirx li Kristu għalaq il-bieb għalina. Proprju għax iħobbna, jaf jgħaddi mill-bibien magħluqa u jagħmel lilu nnifsu preżenti fostna. Għax jekk xi wħud qatgħu qalbhom minn Alla, Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna!
Mhix il-missjoni tagħna li nimponu bilfors il-Vanġelu jew ma nittollerawx akkost ta’ kollox għażliet u stili ta’ ħajja li jkunu f’kuntrast qawwi mal-Vanġelu! Tajjeb li qabel ma niftħu fommna biex “nipprietkaw” u noħorġu jdejna biex “nagħtu” dak li ġie fdat f’idejna bħala saċerdoti, inkunu ftit aktar disponibbli biex nisimgħu, biex nammiraw is-sabiħ, il-veru u t-tajjeb li jista’ jaslilna mingħand min qatt ma nobsru. Aħna ma aħniex tant prekursuri bħalma kien Ġwanni l-Għammiedi, qisu għandna xi prerogattiva li b’sistema ta’ induttrinament inpoġġu lil Alla fil-qalb tal-oħrajn.
Aħna ma aħniex sales persons tar-reliġjon ta’ Kristu, imma kontemplattivi ta’ dak Alla li dejjem jissorprendina fil-Galilija tagħna!
M’għandna qatt niddisprezzaw jew inkeċċu lill-midneb; anzi, infittxuh, għax nistgħu nibqgħu sorpriżi li nsibu li Alla jkun daħal għandu – insibu li Ġesù jkun qagħad madwar il-mejda ta’ dak li “aħna” nkunu eskludejnieh milll-mejda tagħna!
Għandu jkollna stima kbira lejn il-poplu ta’ Alla, magħmul minn ftit qaddisin imma ħafna midinbin, bħala għajn tal-fidi (sorgente di fede), għax hawn ukoll “id-dielja” (Kristu preżenti fi ħdan il-poplu tiegħu) taf tippreċedi l-“friegħi” (it-teologi)! Jekk nemmnu li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fl-Insara, allura jista’ jiġri, kif diġà ġara fl-istorja, li ż-żerriegħa tal-verità l-ewwel tiġi immaturata fi ħdan il-poplu ta’ Alla – ¬fi ħdan iċ-ċkejknin –, imbagħad tiġi milqugħa u elaborata mit-teologi.
Aħna s-saċerdoti aħna mibgħuta mhux biss biex ngħallmu imma wkoll biex nitgħallmu mill-esperjenzi u d-drammi tal-ħajja ta’ dawk li magħna jaqsmu l-fidi fi Kristu, għax hawnhekk insibu l-għodda meħtieġa biex nagħrfu b’mod dejjem aktar sħiħ il-verità ta’ Alla.
//= $special ?>