Lokali

Missier u ibnu jibqgħu arrestati wara sejba ta’ iżjed minn 111kg droga

Missier ta’ 55 sena u ibnu ta’ 24 sena, residenti Birkirkara, nżammu arrestati wara sejba ta’ 111 kilogramma reżina tal-kannabis li nstabu fir-residenza u garaxx proprjetà tagħhom.

Il-każ beda ġimgħat ilu meta l-Pulizija waslitilha informazzjoni dwar traffikar ta’ droga u l-akkużati baqgħu jiġu segwiti sakemm id-droga waslet fis-suq.

L-Erbgħa filgħaxija l-Pulizija avviċinaw liż-żagħżugħ f’Raħal Ġdid iżda dan ħarab sakemm eventwalment mar lejn daru fejn kien hemm uffiċjali oħra għassa u arrestawh fil-post. Fl-istess waqt mir-residenza deher il-missier ħiereġ b’kaxxa li daħal u nqafel fir-residenza tiegħu meta nduna li kien se jiġi arrestat.

Attentati biex il-Pulizija jidħlu fir-residenza bil-forza fallew, sakemm eventwalment il-missier fetaħ il-bieb fejn bdiet tfiċċija u nstabet ir-reżina tal-kannabis imqassma bejn ir-residenza u l-garaxx.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom bil-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tordna li jibqgħu arrestati hekk kif għad fadal ix-xhieda ta’ mart il-missier. Ħarġet ordni wkoll li l-assi tagħhom jinżammu waqt li hemm divjet fuq isem l-akkużati.