Lokali

“Soċjetà li ma tagħrafx il-kapaċitajiet ta’ persuni b’abbiltajiet differenti tkun qed taħli l-opportunitajiet fi ħdanha” – Adrian Delia

Soċjetá li ma tagħrafx tuża l-kapaċitajiet ta’ persuni b’abbiltajiet differenti hi soċjetà diżabbli li qed titlef ħafna opportunitajiet.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wassal dan il-messaġġ meta żar Dar il-Kaptan –  dar fl-Imtarfa li toffri servizz ta’ respite lil persuni b’diżabbiltà.

Adrian Delia qatta’ ħin twil ma’ dawk preżenti qabel ippreżentawlu pittura u kartolina li għamlu huma stess.

Pazjent minnhom saħansitra esprima x-xewqa li Dar il-Kaptan issir ukoll dar residenzjali fejn ikun jista’ jgħix għal dejjem tant iħossu komdu u kuntent.

Dan il-post, inawgurat mill-Ministru tal-Politika Soċjali Louis Galea fl-1991, fil-preżent isservi lil 266 familja b’klijenti li għandhom bejn is-7 u l-65 sena.

F’ambjent sigur, nadif, kumdità assoluta u manutenzjoni kontinwa, hawn il-persuni b’diffikultajiet differenti jattendu għal programmi speċjalizzati taħt il-kura tal-professjonisti u jqattgħu ukoll xi jiem f’atmosfera kważi ta’ lukanda.

Servizz ħolistiku li mhux biss jassisti lill-pazjenti imma wkoll iserraħ lill-qraba li jgħaddu minn pressjoni qawwija u xi kultant jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ faqar biex jagħmlu l-aħjar għal uliedhom.

Familji li sfortunatament ma jaffordjawx il-faċilitajiet ta’ livell għoli li għandhom bżonn dawn il-persuni, tant li uħud, li jkunu jistgħu jieħdu mqar shower hi l-qofol tal-esperjenza tagħhom f’Dar il-Kaptan.

Iżda minkejja x-xogħol imprezzabbli ta’ din l-għaqda mhux governattiva, xorta waħda hemm sfidi kbar, ewlenija fosthom l-istigma li għadha teżisti, bil-ġenituri jibżgħu li jispiċċaw f’ilsien in-nies għax jibagħtu lil uliedhom hawn.

Stigma li twassal ukoll għal diffikultà biex jinstabu persuni kwalifikati jew lesti li jaħdmu ma’ persuni b’diżabbiltà. Fid-dawl ta’ dan ir-residenza kellha ddur għal impjegati barranin, iżda l-proċess biex dawn jakkwistaw il-permessi meħtieġa jdum xhur u qed ipoġġi lir-residenza darha mal-ħajt.

Diffikultajiet ukoll biex jinstabu voluntiera jew persuni li lesti joffru donazzjonijiet, hekk kif għal ħafna l-persuni b’diżabbiltà għadhom jiġu mal-aħħar fil-lista ta’ nies fil-bżonn ta’ għajnuna. Ħafna lanqas biss jixtru prodotti magħmula f’din id-Dar, bi skop ta’ fundraising, sempliċiment għax isiru f’Dar il-Kaptan.

Dan biex wieħed ma jsemmix ukoll li l-art ta’ Dar il-Kaptan għadha mhix ta’ din l-istess NGO. Il-proċess tat-trasferiment kien beda fi żmien amministrazzjoni preċedenti iżda issa jidher li waqaf għalkollox bl-amministrazzjoni tad-Dar li sfortunatament qed issib diversi bibien magħluqa.